Il-Ministru ġdid responsabbli mill-Air Malta, Silvio Schembri, ma jistax jagħti garanzija li l-linja nazzjonali tal-ajru l-Air Malta se tirreġistra profitt fis-sena finanzjarja li jmiss.
Hu kien mistoqsi mill-ġurnalisti fi tmiem żjara fl-uffiċċji tal-Air Malta.
Wara li tħallew jistennew għal nofs siegħa qabel bdiet iż-żjara, il-ġurnalisti staqsew ukoll fuq it-tmexxija tal-Air Malta. Sar-reshuffle fil-Kabinett din kienet titmexxa’ miz-ziju tal-Ministru ġdid, Charles Mangion.
Mhux eskluż lanqas li l-linja nazzjonali tal-ajru tmur lura mill-idea li topera titjiriet long haul lejn pajjiżi bħall-Indja u New York … idea li kien ippreżenta l-eks Ministru Konrad Mizzi.
Silvio Schembri ddefenda wkoll lil Karl Stagno Navarra li jinsab fuq il-kotba tal-linja nazzjonali tal-ajru l-Air Malta bħala impjegat ġdid fil-marketing, b’paga ta’ għexieren ta’ eluf ta’ ewro.
Waqt li l-Gvern għadu s’issa jaħbi l-kuntratt ta’ Stagno Navarra, Silvio Schembri issa qed jiddikjara li se jippubblika l-kuntratt.
Sadattant għadhom pendenti numru ta’ kwistjonijiet oħra fi ħdan l-Air Malta, fosthom dik mal-bdoti li ilha għaddejja għal diversi snin.
Silvio Schembri ddikjara li se jipprova jindirizza din il-kwistjoni, billi jsejjaħ iktar laqgħat mar-rappreżentanti tagħhom.
//= $special ?>