Lokali Qorti

Simon Busuttil jibqa’ jżomm ma’ dak li qal fuq il-Ministru Scicluna

Simon Busuttil li dalwaqt se jassumi r-responsabbilitá bħala s-Segretarju Ġenerali l-ġdid tal-PPE fil-Parlament Ewropew qal fil-Qorti li se jibqa’ jżomm ma’ dak li qal fi tweet li kien tella’ dwar il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna.

Fuq Twitter, Busuttil kien kiteb li Scicluna għandu jirreżenja, biex tal-inqas inaddaf ismu, peress li Scicluna hu involut f’investigazzjoni dwar il-ħasil tal-flus.

Huwa kien ikkummenta dwar dan ġurnata wara li l-Qorti kienet tagħat id-deċiżjoni tagħha fuq l-inkjesta dwar il-ftehim kontroversjali li kien sar mal-Vitals Globe Hospitals (VGH).

Busuttil kien qed jixhed fil-kawża li fetaħlu l-Ministru Scicluna li ħassu mmalafamat bit-tweet tal-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista, li se jkun qed jirriżenja mill-Parlament Malti wara li ngħata kariga fil-Partit Popolari Ewropew b’effett mill-1 ta’ Marzu.

Mistoqsi biex jispjega il-post li tella, Simon Busuttil qal li huwa kien qed jikkummenta fuq rapport tal-Qorti li deher fil-ġurnal Times of Malta, dwar digriet mogħti mill-Maġistrat Claire Stafrace Zammit, li kienet laqgħet it-talba li kienu għamlu l-grupp tas-soċjetà ċivili Repubblika.

Repubblika kienu għamlu talba fil-Qorti biex jiġi stabbilit jekk kienx hemm kompliċità kriminali mill-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna, l-eks Ministru Konrad Mizzi u l-Ministru tal-Ekonomija Chris Cardona fit-trasferiment tal-isptarijiet San Luqa, Karin Grech u l-Isptarijiet ta’ Għawdex.

Simon Busuttil qal li mill-mument li ngħata d-digriet mill-Qorti, ‘ma stajniex naffordjaw li jkollna Ministru tal-Finanzi, nvolut f’dan kollu,’ kompla jgħid li ma kienx qed jitkellem dwar l-arena ġudizzjarja, iżda l-arena politika. Tenna li dawn huma żewġ terminoloġiji differenti.

Kompla jgħid li pajjiż li jkollu Ministru tal-Finanzi fil-pajjiżi taż-żona ewro implikati f’inkjesta Maġisterjali huwa biżżejjed fil-livell politika biex jirreżenta, tal-anqas sakemm jikklerja ismu. Qal li huwa mkien qatt ma qal li Scicluna huwa ħati.

L-Avukat Ivan Sammut, li qed jassisti lill-Ministru Scicluna, staqsa lil Busuttil jekk jemminx li l-kummenti tiegħu kienux mhux raġonevoli, mhux ġustifikati u ma kienux meritati. “Le” wieġeb Busuttil. Tenna wkoll li dan kien kumment pubbliku. Il-każ ikompli f’Marzu li ġej. L-Avukat Peter Fenech deher għal Simon Busuttil.