Internazzjonali

Stati Uniti: Paniku f’Seattle fost sparatura qattiela

Il-Pulizija f’Seattle qed tinvestiga sparatura fil-belt ta’ Seattle li fiha nqatlet persuna, b’seba’ oħra – fosthom tfajjel ta’ disa’ snin – jispiċċaw midruba. L-isparatura seħħet f’zona attiva tal-belt, ‘bl-aggressur jew aggressuri’ jaħarbu malajr minn fuq il-post.

L-iskop wara l-isparatura ma kienx ċar u diversi sorsi tal-aħbarijiet ma qablux jekk l-aggressjoni twettqitx minn bniedem waħdu jew minn ‘diversi persuni armati’.

Fl-aħħar sigħat, issemmew indikazzjonijiet li l-isparatura seħħet dritt wara ‘argument’ li kien inqala’ f’distrett kummerċjali pakkjata bin-nies u viċin l-istazzjon (subway) ta’ Westlake fin-naħa t’isfel tal-belt.

Intant il-pulizija għaddejja bi tfittxija intensiva għall-persuna jew persuni responsabbli huma u jippruvaw jiddeterminaw ‘in-numru ta’ nies involuti fl-isparatura’.  Skont allegazzjoni partikulari, ‘diversi nies, fil-mument speċifiku, kienu ħarġu l-armi tan-nar  u bdew jisparaw, bin-nies fl-inħawi jiġru ‘il hawn u ‘il hinn fost il-konfużjoni’.

L-awtoritajiet f’Seattle wara kkonfermaw li mara nqatlet ‘mal-ewwel’ fis-sit tal-isparatura u li numru ta’ midruba  tttieħdu b’urġenza lejn l-isptar. It-tfajjel midrub jinsab f’kundizzjoni ‘serja ħafna’ waqt li mara oħra li ntlaqtet mit-tiri tinsab f’qagħda kritika. Dan waqt li l-midruba l-oħra – kollha irġiel — jinsabu stabbli.

Din l-isparatura kienet it-tielet waħda f’anqas minn jumejn fiċ-ċentru ta’ Seattle.