Lokali

“Too little too late”

Dak li ġie żvelat mill-midja li l-Ministru għall-Edukazzjoni Owen Bonnici talab investigazzjoni fuq kuntratt li ngħata lil kumpanija tal-eks Chief of Staff Keith Schembri ftit jiem qabel ma rriżenja hija azzjoni li tissarraf f’too little, too late min-naħa tal-eks Ministru għall-Ġustizzja. Dan wara li flimkien ma’ sieħbu l-eks Prim Ministru Joseph Muscat għamel snin twal jiddefendi kemm lil Keith Schembri, saru allegazzjonijiet serji fil-konfront tiegħu b’rabta mal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, u kemm lill-eks Ministru Konrad Mizzi. Sostna dan il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija maħruġa mis-Segretarju Ġenerali u Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Edukazzjoni, l-Iżvilupp Uman u l-Ħiliet għas-Seklu 21 Clyde Puli.

Il-midja llum żvelat kif erbat’ijiem biss qabel ma rriżenja minn Chief of Staff, kumpanija ta’ Keith Schembri ngħatat kuntratt li jiswa aktar minn €50,000. Wieħed mill-ħafna kuntratti li din il-kumpanija rebħet mill-Ministeri u l-entitajiet Governattivi matul dawn is-snin ta’ Gvern Laburista. Issa li l-Ministru talab din l-investigazzjoni għandha tiġi kkunsidrata wkoll id-deċiżjoni li kienet ittieħdet mill-Gvern Laburista, li l-iskejjel kollha ġew imġegħla li jagħmlu l-użu tal-istamperija tal-Gvern li tuża l-istess karta tal-kumpanija ta’ Keith Schembri. Meta kien responsabbli mill-ġustizzja, Owen Bonnici kien messu ra li tittieħed azzjoni fil-konfront ta’ Keith Schembri, u mhux bħalma għamel Joseph Muscat baqa’ jiddefendih tant li Kastilja spiċċat maħkuma mill-kriminalità.

Il-Ministru Bonnici m’għandux iżjed kredenzjali sabiex jitkellem dwar korruzzjoni, għaliex meta kien mal-mejda tad-deċiżjonijiet flimkien ma’ Joseph Muscat u Robert Abela ma tkellimx anzi ried li l-informazzjoni tinżamm mistura min-nies tant li qal li kien l-avukat ta’ Joseph Muscat u żamm mad-deċiżjoni tal-Avukat Ġenerali li r-rapport dwar Egrant jinżamm mistur fil-kexxun u ma jingħatax lill-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia u l-poplu. Dan biex l-istejjer maħmuġin tal-korruzzjoni jibqgħu moħbija.

Sfortunatament, bil-Ministru Bonnici responsabbli għas-settur tal-edukazzjoni f’pajjiżna ma tantx jidher li dan is-settur ferm importanti għall-iżvilupp u l-formazzjoni ta’ uliedna se jara futur sabiħ.