Lokali

Transparency International ukoll tikkundanna lil Malta minħabba l-korruzzjoni

Għal sen’oħra, il-Gvern Malti reġa ġie kkritikat mill-organizzazjoni internazzjonali Transparency International b’rabta ma problemi serji ta’ korruzzjoni, tħassir tar-rule of law u demokrazija dghajfa.

Dan hekk kif ir-rapport annwali ta’ din l-organizzazzjoni awtorevoli indipendenti jpoġġi lil Malta fil-50 post; 25 post inqas minn kif konna ftit ta’ snin ilu meta isem pajjiżna beda jitniżżel f’dan ir-rapport.

Għall-2019, pajjiżna reġa kiseb marka ta’ 54, simili għal dak tas-sena preċedenti u sitt punti inqas mill-iskor li kellu pajjiżna fl-2015.

Fl-iktar rapport riċenti ppubblikat matul dan ix-xahar, Transparency International tiddikjara li “f’Malta, il-korruzzjoni qed ittellef ir-rule of law. Nuqqas sinifikanti fl-integrità politika qed twassal biex politiċi u oħrajn jaħbu ġid ġej minn sorsi lleċiti permezz ta’ kumpaniji sigrieti.”

L-istess rapport jiddikjara wkoll li “mhix sorpriża li l-pajjiż għadu mifni mill-korruzzjoni sentejn wara l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia li nqatlet waqt li kienet qed tirrapporta propju dwar il-korruzzjoni.”

Dan ir-rapport joħroġ l-għada li The Economist Intelligence niżżlet lil Malta minn ranking ta’ demokrazija sħiħa għal demokrazija difettuża.

Il-Gvern Malti kien ilu jokkupa l-kategorija ta’ demokrazija sħiħa sa mill-bidu ta’ dan l-Indiċi fl-2006. Iżda fl-2019, taħt it-tmexxija ta’ Joseph Muscat, Malta kienet l-uniku pajjiż li niżel mill-kategorija ta’ demokrazija difettuża.

Skont ir-riċerkaturi, demokraziji difettużi huma dawk li għalkemm ikollhom elezzjonijiet ħielsa u l-libertajiet ċivili bażiċi rispettati, ikollhom nuqqasijiet oħrajn, bħal nuqqasijiet fil-libertà tal-ġurnalisti.