Internazzjonali

Id-Doomsday Clock: L-akbar livell ta’ periklu għall-umanità mill-1947

Il-grupp Bulletin of Atomic Scientists mexxew il-minutieri ta’ arloġġ simboliku magħruf bħala Doomsday Clock eqreb ta’ ‘nofsillejl’ biex jirrifletti l-ispinta fit-theddid  għad-dinja mill-armi nukleari u L-kundizzjonijiet ‘aċċellerati’ tal-global warming. Id-deċiżjoni dwar ‘il-ħin’ fuq dan l-arloġġ ittieħdet mill-panels tal-esperti li jinkludu tlettax-il rebbieħa tal-Premju Nobel.

Fil-fatt, id-Doomsday Clock, issa, jinsab ‘100 sekonda biss ’il bogħod min-nofsillejl’ u li jindika l-akbar livell ta’ periklu għall-umanità mindu twaqqaf dan l-arloġġ fl-1947. L-akbar theddid għad-dinja, fil-preżent, huma l-bidliet fil-klima u t-tellieqa aktar intensiva għall-armi nukleari ġodda.

L-arloġġ hu simbolu li nħoloq fil-bidu tal-Gwerra Bierda u l-ħinijiet tiegħu huma aġġornati darba fis-sena mill-grupp imsemmi li twaqqaf mir-riċerkaturi li kienu għenu jibnu l-ewwel armi nukleari fiż-żmien tal-Manhattan Project.

Il-Bulletin, fl-1947, kien beda jaġġorna, pubblikament, dan l-arloġġ biex jirrifletti l-istat tal-akbar theddid lid-dinja. Waqt li l-ewwel snin, it-theddid kienu karatterizzati mit-tensjoni bejn l-Istati Uniti u l-eks Unjoni Sovjetika (u l-possibbiltà ta’ gwerra nukleari globali),  iżda l-arloġġ, maż-żmien, anki beda jieħu kont ta’ theddid oħra fuq livell globali, fosthom il-bidliet fil-klima u l-gwerer ċibernetiċi.

L-hekk-imsejjaħ danger level issa ingħata spinta oħra mill-‘gwerra għall-informazzjoni u t-teknoloġiji użati għal skop malinn’ li jvarjaw mill-militarizzazzjoni tal-ispazju u l-iżvilupp tal-armi ipersoniċi.

Fil-fatt, Rachel Bronson, il-President tal-Bulletin of Atomic Scientists, qalet li ‘hi u l-kollegi jridu jesprimu li d-dinja tinsab qrib ta’ katastrofi f’termini ta’ sekondi u mhux ta’ sigħat jew imqar minuti’.

Qabel dan l-aġġornament, l-akbar indikazzjoni ta’ periklu għad-dinja kien meta d-Doomsday Clock immarka ‘żewġ minuti ’l bogħod minn nofsillejl’, b’dan iseħħ bejn l-2018 u l-2019 u darb’oħra, ħafna aktar qabel, fl-1953.