Lokali

Adrian Hillman jitneħħa minn konsulent tal-MGA

L-Awtorita’ Maltija tal-Logħob waqqfet il-kuntratt ta’ konsulenza ta’ Adrian Hillman, l-eks direttur maniġerjali ta’ Allied Newspapers u persuna qrib ħafna ta’ Keith Schembri, l-eks chief of staff tal-eks Prim Ministru.

L-aħbar ħarġet permezz ta’ tweet mis-Segretarju Parlamentari Clayton Bartolo li qal li l-kuntratt intemm b’effett immedjat wara li kien sar jaf li Hillman kien qed jieħu flus li kienu intiżi għal kumpanija privata. Mhux maghruf jekk il-Pulizija fethitx investigazzjoni fuq dawn il-fatti godda.

Il-Prim Ministru Robert Abela minn naha tieghu qal li din kienet deċiżjoni li kellha tittieħed u ħadha wara konsultazzjoni mas-Segretarju Parlamentari Clayton Bartolo. Mistoqsi jekk din it-tneħħija hix ammissjoni li qatt ma kellu jinħatar mill-Gvern, Robert Abela naqas milli jwieġeb.

Il-ġurnalisti fakkru lill-Prim Ministru li Silvio Schembri kien Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Awtorita’ tal-Logħob u Robert Abela tah promozzjoni għal Ministru. Staqsewh jekk tkellimx ma’ Silvio Schembri dwar il-ħatra ta’ Hillman iżda l-Prim Ministru qal biss li tkellem mas-Segretarju Parlamentari attwali.

Mistoqsi direttament dwar dawn l-istejjer li qed ikomplu jtebbghu l-amministrazzjoni Laburista, il-Prim Ministru qal illi ma jhossx il-bzonn li jaghmel bidliet drastici fis-sistema tal-Gvern.

Fl-2018, il-ġurnal Times of Malta kien żvela li Hillman kien qed jaqla mal-4,000 ewro fix-xahar minn dan il-kuntratt ta’ konsulenza li ngħatalu permezz ta’ direct order fuq struzzjonijiet tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru.

Il-kuntratt kien dwar konsulenza ta’ relazzjonijiet pubbliċi u maniġġjar tar-reputazzjoni, ironikament fl-istess żmien meta kien fiċ-ċentru ta’ inkjesta dwar ħasil ta’ flus. Hillman kellu kumpaniji sigrieti fil-British Virgin Islands. Daphne Caruana Galizia kienet żvelat li kien hemm diversi transazzjonijiet bejn Hillman u Keith Schembri li jlaħħqu s-650,000 ewro

Minbarra dan il-kuntratt, il-Gvern poġġa wkoll lil Adrian Hillman bħala rappreżentant tiegħu fil-Board of Trustees tal-Universita’ tal-Ġordaniżi.

Iktar tard tul il-jum, sar magħruf ukoll li Adrian Hillman se jitneħħa minn din il-kariga wkoll.