Ambjent Lokali

Azzjoni legali kontra l-ħerba li qed issir f’Wied Qirda

Il-Moviment Graffiti fi stqarrija maħruġa dalgħodu sostna li Wied Qirda safa rovinat bla ħniena b’riżultat ta’ xogħlijiet mhux awtorizzati, taħt l-ordnijiet ta’ Infrastructure Malta, li jinsabu għaddejjin f’dan il-wied protett. Il-mogħdija rurali ġiet mgħottija kompletament bl-asfalt u mwessgħa ħafna iktar minn qabel, it-topografija ta’ qiegħ il-wied ġiet immodifikata, qed tinbena struttura pjuttost kbira fuq qiegħ il-wied u l-karatteristiċi fiżiċi stess tal-wied inbidlu.

Dan kollu sar mingħajr ma ngħatat l-awtorizzazzjoni mill-ERA, f’żona ekoloġikament sensittiva, u mingħajr ebda forma ta’ dikjarazzjoni tal-metodu approvata. Li aġenżija tal-gvern tibqa’ għaddejja bħal gaffa minn fuq żona speċjali ta’ konservazzjoni mingħajr ebda rigward għal-liġi hija xi ħaġa inaċċettabbli u barbarika.

Il-Moviment Graffitti ingħaqad ma’ numru ta’ attivisti oħra biex iressqu azzjoni legali sabiex jitolbu lill-ERA tirrispetta l-liġi u r-regolamenti ambjentali, u ssewwi l-ħsara ambjentali li saret.

L-appellanti qed jitolbu lill-ERA tistabbilixxi min huwa personalment u direttament responsabbli biex jordna u jawtorizza dawn l-azzjonijiet barbariċi fil-wied. “Inkunu verament qed inkomplu nitfgħu l-melħ fuq il-ferita jekk Infrastructure Malta tiġi mġiegħla tħallas biex issewwi l-ħsara ambjentali li saret, meta nqisu li Infrastructure Malta hija mħallsa mit-taxxi tal-poplu stess” qal wieħed mill-kelliema f’isem l-appellanti.

“Il-poplu jkun l-ewwel iffinanzja x-xogħlijiet illegali mit-taxxi tiegħu, u mbagħad ikollu jħallas ukoll għar-riparazzjoni tal-ħsara li saret. Wasal iż-żmien li dawk responsabbli jġorru r-responsabbiltà personali għall-qerda sfaċċata li saret f’Wied Qirda, u li nistabbilixxu kriterji standard biex nirregolaw tali imġiba skorretta fil-futur. Iċ-ċittadini li jimxu mal-liġi m’għandhomx għalfejn jiġu mġiegħla jħallsu għall-ħerba li ħallew warajhom Frederick Azzopardi u Infrastructure Malta.”