Internazzjonali

Brexit: Il-Mexxejja tal-UE jiffirmaw il-Ftehim għat-tluq tar-Renju Unit

Brexit: Il-Mexxejja tal-UE jiffirmaw il-Ftehim għall-ħruġ tar-Renju Unit

Il-Mexxejja tal-Kummissjoni u l-Kunsill tal-Ewropa – Ursula von der Leyen u Charles Michel – iffirmaw il-Ftehim għat-tluq (withdrawal agreement) tar-Renju Unit mill-Unjoni, ftit jiem biss qabel dan il-pajjiż itemm l-isħubija tiegħu f’dan il-grupp ta’ pajjiżi, fil-31 ta’ Jannar.

Ir-Reġina Eliżabetta tal-Ingilterra kienet approvat dan il-ftehim aktar qabel u l-Parlament Ewropew, il-ġimgħa d-dieħla, ukoll mistenni jivvota u jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-ftehim.

Ir-Renju Unit, sadattant, qablet biex timxi skont ir-regoli tal-UE waqt perjodu ta’ tranżizzjoni li jibqa’ validu sal-aħħar ta’ din is-sena. Fl-istess ħin, ir-Renju Unit qed jaħseb biex, sal-2021, ikun qabel dwar ftehim għar-relazzjonijiet futura bejn Londra u l-Unjoni.

Il-konklużjoni tal-proċess Brexit ifisser it-tmiem fiss tar-Renju Unit bħala membru tal-entità tal-Istati Ewropej…Sħubija li damet għal 46 sena.

Intant, kien hemm stennija għall-firma tad-dokument, f’Londra, mill-Prim Ministru Britanniku Boris Johnson,

Ursula von der Leyen u personalitajiet ewlenin oħra tal-UE huma xettiċi dwar il-pjan tal-Gvern Britanniku biex jinnegozja ftehim komprensiv dwar ir-relazzjonijiet futuri ma’ Brussell qabel l-aħħar tal-2020. Il-personalitajiet Ewropej, fl-istess ħin, jemmnu li l-programm hu wisq ristrett, bħala żmien, biex it-tragward ikun irrealizzat.

Madankollu, Boris Johnson hu fiduċjuż u ‘entużjażmat’ bl-iżviluppi u qed jgħid li r-Renju Unit, issa, jista’ jimxi ’l quddiem wara snin ta’ battibekki u diżgwid dwar Brexit.

Min-naħa tiegħu, Charles Michel, l-eks Prim Ministru tal-Belġju li qed jippresiedi s-summits tal-UE, bagħat messaġġ li ‘hi inevitabbli li l-affarijiet iridu jinbidlu, iżda l-ħbiberija (bejn ir-Renju Unit u l-UE) għandha tkompli’. Hu żied li l-entitajiet partikulari, issa, qegħdin iħarsu ’l quddiem biex jibdew kapitlu ġdid bħala sieħba u alleati.