Sport Sport Ieħor

Dan it-tournament ta’ kwalifikazzjoni għandu jgħin lill-futsal lokali – Matthew Paris, Viċi President tal-MFA

(Ritratt: Martin Agius)

“Il-fatt li f’pajjiżna se jkun hawn livell ta’ futsal professjonali, għandu jgħin il-logħba lokali.” Saħaq dan il-Viċi President tal-MFA Matthew Paris f’konferenza stampa ftit jiem bogħod mill-impenji ta’ Malta minn Grupp Ċ f’tournament ta’ kwalifikazzjoni għall-Kampjonat Ewropew. Paris saħaq li l-faċilitajiet huma kruċjali għalihom u semma kif il-logħob minn dan l-istaġun qed jintlagħab fl-Iskola Nazzjonali tal-Isport għaliex l-art tal-court tgħin fil-iżvilupp tal-logħba.

Hu elenka wkoll il-ħsieb tal-assoċjazzjoni li mill-istaġun li ġej ikun hemm tournaments ta’ taħt id-19-il sena li għandhom iwasslu biex jinħoloq tim nazzjonali ta’ din il-kategorija. Matthew Paris semma wkoll il-fatt li għamlu talba lill-Gvern biex fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-2023 li se jsiru f’pajjiżna, jiżdied il-futsal mal-lista tad-dixxiplini. Hu appella lill-pubbliku ġenerali biex jagħti s-sapport lit-tim Malti biex b’hekk ikunu qed jieħdu l-vantaġġ li l-logħob jintlagħab f’pajjiżna.

L-organizzazzjoni ta’ dan it-tournament ta’ kwalifikazzjoni hi fdata f’idejn Mark Borg. Għalih dan hu ritorn fil-futsal, xi ħaġa li jfissirha bħala “ritorn personali li nagħmlu bi pjaċir.” Hu qal li l-MFA hi preparata biex torganizza tournament u faħħar il-ħsieb tal-MFA li timbotta l-futsal. Borg saħaq dwar il-bżonn li l-futsal jingħata promozzjoni xierqa u semma kif tournaments bħal dawn jgħinu f’dan l-aspett.

Din hi s-sitt darba għal Borg li qed jorganizza tournaments ta’ dan it-tip iżda l-ewwel waħda għalih fl-Iskola Nazzjonali tal-Isport. Dan joħloq ftit differenza fl-aspett loġistika, b’Mark Borg jgħid li wieħed ikollu jdur mal-problemi minħabba li l-post hu disinjat għal skola.

Bi preparazzjoni għal dawn l-impenji diffiċli, fl-aħħar jiem Malta lagħbet żewġ partiti ta’ ħbiberija kontra l-Bulgarija fejn inkisbu rebħa u draw. Malta taħt it-tmexxija tal-kowċ Zeljko Anicic, tibda l-impenji kontra l-Iżvezja l-Erbgħa 29 ta’ Jannar, l-għada jintlagħab il-konfront kontra l-Greċja, bit-tielet logħba tintlagħab is-Sibt 1 ta’ Frar.