Lokali

Għaddew 9 xhur u r-residenti għadhom fl-istess sitwazzjoni

24 ta’ April 2019, 9 xhur ilu, waqgħu l-appartamenti f’Gwardamanġa u sal-lum r-residenti għadhom ma jistgħux jidħlu lura f’darhom.

Saru ħafna laqgħat u numru ta’ protesti li kollha waqgħu fuq widnejn torox u r-residenti qed jistaqsu jekk qatt huwx se jsir xi ħaġa dwar din is-sitwazzjoni hekk kif il-Gvern jidher li nesihom għal kollox.

Dalgħodu fuq Facebook, waħda mir-residenti fakkret li ilha 9 xhur ma tgħix ħajjitha b’mod normali.

Caroline Micallef qalet li minħabba traskuraġni kbira spiċċat b’xejn u wara daż-żmien kollu, ir-residenti għadhom fejn kienu lura f’April tal-2019 b’ħajjithom imkissra.

Kien propju bis-saħħa ta’ Caroline li sitta min-nies u kelb ma mietux taħt it-terrapien tal-binja li ġġarfet.

F’kumment fuq il-post ta’ Caroline, Lawrence Gauci saħaq li s-sitwazzjoni hija waħda tal-mistħijja. Hu saħaq li anke kiteb lill-Prim Ministru Robert Abela li iżda injorah għal kollox u ħallih mingħajr risposta.

Lawrence qed jitlob li ssir ġustizzja mat-tifla tiegħu u żewġha li spiċċaw bla saqaf fuq rashom u li għalkemm jogħdduwa b’waħda, xorta għadhom f’sitwazzjoni kerha ħafna.

Kien l-Erbgħa għall-ħabta tal-10.30pm xħin Caroline semgħet ħoss qawwi u ftit tas-sekondi wara instema’ ħoss ferm aktar qawwi fejn saħansitra deher terrapien nieżel minn bejn il-ħitan.

It-tlett koppji li kienu fil-binja dak il-ħin ħarġu biss ftit minuti qabel ma raw il-binja tikkrolla quddiem għajnejhom.

Fl-erba’ appartamenti fil-binja kienu joqgħodu tlett koppji u raġel ieħor, li fil-ħin tal-inċident ma kienx fl-appartament.

Dan ma kienx l-unika każ ta’ tiġrif ta’ bini f’dak iż-żmien tas-sena hekk kif numru ta’ binjiet oħra sfortunatament, kawża ta’ nuqqas ta’ pjannar spiċċa f’sitwazzjoni simili ta’ din ta’ Gwardamanġa.