Lokali

Il-mudell tal-Gvern se jittieħed quddiem il-Kummissjoni Venezja?

Il-Ministru Ian Borg ma jridx jgħid jekk il-mudell li preżenta il-Gvern għall-ħatra ta’ Kummissarju tal-Pulizija hux se jittieħed quddiem il-Kummissjoni Venezja.

Ian Borg kien mistoqsi dwar din il-materja hekk kif qed tikber il-pressjoni fuq il-Gvern biex il-mudell propost imur quddiem il-Kummissjoni Venezja għall-approvazzjoni. Dan fl-istess waqt li diversi esperti legali diġa’ kritikaw din il-proposta li fassal il-Prim Ministru Robert Abela.

Madanakollu, għalkemm Borg ta din il-verżjoni, mhux kull membru tal-Gvern qed jitkellem bl-istess mod. Fl-aħħar jiem, il-Prim Ministru deher mhux konvint dwar il-proposta tiegħu stess meta mistoqsi mill-ġurnalisti. Filwaqt li l-Ministru Owen Bonnici aċċertana li kollox konformi mal-Kummissjoni Venezja.

Il-Prim Ministru Robert Abela

Fost l-akbar kritiċi għal dan il-mudell ta’ ħatra, kien hemm l-Imħallef irtirat Giovanni Bonello u l-Professur fl-Universita’ ta’ Malta Kevin Aquilina.

L-akbar kritika tibqa’ għall-fatt li l-Prim Ministru essenzjalment se jżomm kontroll fl-għażla tal-Kummissarju, mentri l-mudell imressaq mill-Oppożizzjoni ifisser li l-isem tal-Kummissarju jitressaq quddiem il-Parlament għall-approvazzjoni tal-maġġoranza tad-deputati, bis-sistema taż-żewġ terzi.

Il-mudell taż-żewġ terzi diġa’ ħadem f’okkażjonijiet oħra, fosthom fil-ħatra tal-Ombudsman, tal-Awditur Ġenerali u tal-Kummissarju għall-Istandards.

Anke d-Deputat Prim Ministru Chris Fearne fl-aħħar ġimgħat tkellem appertament favur l-għażla ta’ Kummissarju tal-Pulizija biż-żewġ terzi vot tal-Parlament.