Lokali

Il-Pulizija għandhom jinvestigaw lil Adrian Hillman

It-terminazzjoni tal-kuntratt li l-Gvern ta’ Joseph Muscat ta immedjatament wara l-elezzjoni tal-2013 lil Adrian Hillman bħala konsulent tal-Malta Gaming Authority (MGA) mhux biżżejjed. Dan għandu jkun biss l-ewwel pass biex toħroġ il-verità sħiħa u biex issir ġustizzja.

Hekk qalet l-organizzazjoni Repubblika fi stqarrija maħruġa dalgħodu, wara d-dikjarazzjoni li għamel fuq Twitter is-Segretarju Parlamentari Clayton Bartolo, li taħtu taqa’ l-MGA.

Ir-raġuni li ngħatat għat-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ Adrian Hilman tammonta għal reat kriminali u għalhekk huwa ovvju li l-Pulizija għandhom jinvestigaw dan u jieħdu passi fil-konfront ta’ Hillman bla tkaxkir ta’ saqajn.

Repubblika fakkret li Adrian Hillman għadu jirappreżenta lill-Gvern Malti fuq il-Bord tat-Trustees tal-Università Amerikana. “Is-serjeta’ u d-diċenza jeżiġu li Owen Bonniċi u Robert Abela għandhom ikeċċu lil Hillman minn dan ir-rwol ukoll.”

“Irridu nkunu nafu wkoll l-Malta Gaming Authority kemm ilha taf b’dan kollu u meta kien sar l-ewwel rapprt dwar dan.”

“Nistennew ukoll li tingħalaq l-inkjesta maġisterjali li għaddejja fuq Adrian Hillman u Keith Schembri”, ttemm tgħid l-istqarrija.