Folol kbar ta’ nies ħarġu fit-toroq ta’ Bagdad biex jinsistu dwar il-ħruġ tal-qawwiet tal-Istati Uniti minn pajjiżhom. Il-protesti — imfissra bħala l-akbar dimostrazzjoni ta’ għadab għal snin (f’Bagdad) — kienu ddominati mit-tixjir tal-bnadar tal-Iraq u tabelluni b’messaġġi ta’ kundanna għall-preżenza tal-militar Amerikan.
Dan wara li d-deputati fil-Parlament tal-Iraq, kmieni fix-xahar, għaddew riżoluzzjoni li ma torbotx u li ssejjaħ biex is-suldati barranin jitilqu mill-pajjiż.
Il-kap reliġjuż Moqtada al Sadr, li għandu influwenza kbira max-Xiti fl-Iraq, qabel, kien sejjaħ biex ‘mal-miljun ruħ’ jissieħbu fid-dimostrazzjoni li saret viċin l-Ambaxxata Amerikana. Waqt ir-rally spikkaw il-membri tal-milizji Iraqqin li qegħdin jingħataw l-appoġġ mill-Iran.
It-tensjoni f’Baghdad ilha mindu l-Istati Uniti, fit-3 ta’ Jannar, qatlet lill-kmandant militari ewlieni tal-Iran, Qasem Soleimani, li spiċċa l-mira ta’ drone meta hu kien qiegħed fl-ajruport tal-kapitali Iraqqija. Fl-attakk inqatel ukoll Abu Mahdi al-Muhandis, il-kmandant Iraqi tal-grupp tal-milizji Kataib Hezbollah li wkoll hu assoċjat mal-Iran.
L-Iran kien wieġeb għall-assassinar ta’ Soleimani bl-isparar ta’ missili lejn żewġ bażijiet tal-ajru fl-Iraq li qed iservu bħala ċentri għall-militar tal-Istati Uniti.
Fil-preżent, hemm xi 5,000 suldat Amerikan fl-Iraq bħala parti mill-koalizzjoni internazzjonali kontra t-terroristi tal-grupp ISIS.
//= $special ?>