Kultura Lokali

Jirritornaw wara 5 snin, il-Malta Music Awards

Wara nuqqas ta’ 5 snin, se jirritornaw il-Malta Music Awards – avveniment li jippromwovi t-talent lokali u li jgħin artisti lokali jiksbu suċċess barra mill-pajjiż.

Bħas-snin preċedenti, dan l-avveniment ser jinludi xow tul is-serata bi 12-il artist konfermati biex jgħatu spettaklu lil dawk preżenti.

L-awards ta’ din is-sena ser ikollhom 15-il ketegorija fuq kriterji ta’ kanzunetti oriġinali kemm bil-Malti kif ukoll bil-lingwa barranija li għalihom ser ikun hemm ġurija speċjalizzata għal kull kategorija.

Fost dawn, ma jonqosx il-vot tal-pubbliku għall-aqwa kanzunetta tas-sena.

Il-finalisti ser jitħabbru fil-ġimgħat li ġejjin. Din is-sena, dawn l-awards huma xi ftit aktar speċjali mis-soltu għaliex ser jiġi ċċelebrat il-25 sena mill-ewwel darba li saru l-Malta Music Awards. Filfatt inħolqot websajt ġdida bl-isem ta’ maltamusicawards.mt li se jkollha aġġornamenti kontinwi rigward dan l-avveniment nazzjonali li għalih mistennija jattendu eluf ta’ nies.

Il-konferenza stampa tat-tnedija tal-Malta Music Awards 2020 kienet indirizzata minn Noel Magri, iċ-Chairperson tal-MMAs kif ukoll Carlo Borg Bonaci li qed jieħu ħsieb l-organizzazjoni. It-tnejn stqarru li hemm pjanijiet biex dan l-avveniment jibqa’ jsir b’mod regolari u anke jikber b’mod internazzjonali.

Għal din is-sena ser jintuża slogan soċjali bħal snin oħra fejn il-pubbliku u l-artisti qed jiġu mħeġġa jinkitbu biex jagħmlu donazzjoni tal-organi.

Il-biljetti għal dan l-avveniment ser joħorġu fil-ġranet li ġejjin.

Il-Malta Music Awards 2020 se jsiru fis-7 ta’ Marzu fl-MFCC Ta’ Qali.