Lokali

Joseph Muscat ħati ta’ diskriminazzjoni mal-ġurnalisti

Il-Prim Ministru u l-Ministri m’għandhomx jiddiskriminaw bejn kmamar tal-aħbarijiet

Dr George Hyzler, il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika, ikkonkluda li prim ministru jew ministru jkun qed jiddiskrimina u jmur kontra l-etika jekk jibgħat għal xi kmamar tal-aħbarijiet u mhux oħrajn meta jagħti konferenza stampa jew jorganizza avveniment ieħor għall-media.

Il-Kummissarju għall-Istandards wasal għal din il-konklużjoni wara li kkunsidra ilment mingħand Sylvana Debono, Editor-in-Chief ta’ Newsbook.com.mt, kontra l-Prim Ministru Joseph Muscat.

Debono ilmentat li fit-22 ta’ Novembru 2019, il-Prim Ministru Muscat stieden lill-media f’Kastilja biex jagħti kummenti dwar l-investigazzjoni fuq l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia iżda ma stedinx lil Newsbook.com.mt.

Il-Kummissarju sab li għalkemm kien hemm drabi meta l-Prim Ministru Muscat ta kummenti lil ġurnalisti li kienu qegħdin jistennewh barra Kastilja, fit-22 ta’ Novembru 2019 kien l-uffiċċju tal-komunikazzjonijiet tal-Prim Ministru li bagħat għal xi kmamar tal-aħbarijiet, iżda ma bagħatx għalihom kollha. Irraġuni mogħtija mill-uffiċċju tal-komunikazzjonijiet kienet li l-avveniment ġie organizzat fi żmien qasir ħafna.

Il-Kummissarju ikkonkluda li ġaladarba kien il-Prim Ministru li bagħat għallmedia, kien obbligat jibgħat għall-kmamar kollha tal-aħbarijiet. Dan seta’ jsir bl-email f’temp ta’ ftit minuti. Dan l-obbligu ma jxekkilx id-dritt ta’ prim ministru jew ministru li jaċċetta talba għal intervista jew jieħu sehem f’avveniment organizzat minn kamra tal-aħbarijiet partikolari. 

Għalhekk il-Kummissarju laqa’ l-ilment. Huwa rrefera għal rapport li huwa kien ħareġ fl-4 ta’ Frar 2019, fejn diġà kien indirizza kwistjoni simili. Il-Kummissarju ma ħassx il-bżonn li jirrakkomanda xi azzjoni bħala rimedju, ġaladarba Joseph Muscat irriżenja mill-kariga ta’ Prim Ministru fit-13 ta’ Jannar 2020.