Kultura Lokali

“Kienu diġa’ ġew imwissija”

Id-disinn preżentat kien nieqes minn dettalji oħra li qiegħdin ikomplu jżidu l-element defamatorju

Festivals Malta fi stqarrija maħruġa dalgħodu kjarifikat li tul dawn l-aħħar ġimgħat, il-kumpanija tal-karnival li kienet qed tħejji karru bil-wiċċ tal-Arċisqof Scicluna, kienet diġa ġiet imwissija li d-disinn tal-karru sottomess kien jinkludi dettalji u aspetti defamatorji.

Festivals Malta irrimarkat wkoll li l-isketch preżentat lilha kien nieqes minn dettalji oħra li qiegħdin ikomplu jżidu l-element defamatorju. Għaldaqstant anke permezz ta’ komunikat separat, Festival Malta infurmat lill-kumpanija rispettiva li, bit-tali produzzjoni, dan il-karru mhux ser ikun qiegħed jitħalla jipparteċipa fl-edizzjoni tal-Karnival 2020.

“Festivals Malta filwaqt li tiddiżassoċja ruħha minn dawn l-elementi defamatorji hekk kif qed jiġu proposti biex jiġu preżentati, temmen bi sħiħ fl-espressjoni kulturali u artistika, u tagħraf li m’għandux ikun hemm barrieri li jxekklu il-kreattività.  Madankollu għalkemm l-artisti illum igawdu mil-liberta tal-espressjoni bla preċendent, fl-istess waqt il-parametri tal-liġijiet għandhom dejjem jiġu osservati u rispettati.”