L-għalliema tagħna jixirqilhom ir-rispett kollu lejhom u lejn il-professjoni tagħhom, kif ukoll l-għodod kollha meħtieġa biex ikunu jistgħu jkomplu jagħmlu xogħolhom fl-aħjar mod possibbli. Dan għax investiment fis-sistema edukattiva ta’ pajjiżna hu investiment kbir fiż-żgħażagħ u fis-soċjetà.
Fi żmien meta s-settur tal-Edukazzjoni f’pajjiżna qed jgħaddi minn kriżi minħabba n-nuqqas ta’ pjan fit-tul tal-Gvern, il-Partit Nazzjonalista qed jistenna li l-Gvern ta’ Robert Abela ma jibqax ikaxkar saqajh u ma jibqax jipposponi skola kull sena minflok ma jibni skola ġdida kull sena. Dan biex it-tfal tagħna ma jkollhomx għalfejn jingħataw it-tagħlim f’kontejners mibdula f’mobile classrooms minflok fi klassijiet moderni, bħal sħabhom l-oħrajn.
Fi stqarrija f’isem is-Segretarju Ġenerali u Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Edukazzjoni, il-Partit Nazzjonalista qal li qed jistenna wkoll li jittieħdu l-aqwa miżuri ta’ sigurtà għall-għalliema u l-ħaddiema fl-iskejjel. Dan ukoll fid-dawl tar-rapport li kienet ippubblikat l-MUT, li wera kif kważi 90% tal-għalliema esperjenzaw xi forma ta’ aggressjoni fl-iskola fl-aħħar sentejn u oħrajn li għaddew minn esperjenza ta’ vjolenza fl-iskola kuljum.
Fil-jum iddedikat lill-Edukazzjoni u quddiem il-kriżi li ġab fis-settur, il-Partit Nazzjonalista qed jistenna li l-Gvern ta’ Robert Abela ma jibqax iżjed ċass għax l-edukaturi jistħoqqilhom is-sigurtà kollha possibbli, kif ukoll l-akbar appoġġ fil-qadi ta’ dmirijiethom fl-għoti tal-Edukazzjoni lil uliedna.
//= $special ?>

