Il-Gvern Libjan għall-Għaqda Nazzjonali sejjaħ biex in-Nazzjonijiet Uniti ‘tieħu passi effettivi’ li jaċċertaw is-sigurtà taċ-ċivili u l-mezzi għall-avvjazzjoni ċivili li qegħdin jiffaċċjaw theddida perikoluża mill-Armata Libjana tal-Lvant taħt it-tmexxija ta’ Khalifa Haftar.
Il-qawwiet ta’ Haftar – li ilhom ix-xhur għaddejjin b’offensiva fuq Tripli – aktar qabel kienu heddew li jisparaw għal fuq l-ajruplani ċivili li jgħaddu minn fuq il-kapitali Libjana, filwaqt li ddikjaraw il-belt u l-madwar bħala no-fly zone.
L-ajruport ta’ Mitiga ( l-uniku terminal li għadu qed jiffunzjona fi Tripli) kellu jingħalaq f’nofs il-ġimgħa wara li spiċċa mira għal numru ta’ missili. Intant, il-Gvern ta’ Sarraj, fl-aħħar sigħat, sostna li l-ajruport kien reġa’ fetaħ.
Il-kumpless ta’ Mitiga ntlaqat diversi drabi mill-isparar mindu l-Ġeneral Haftar, f’April li għadda, beda l-offensiva biex jaħtaf il-kontroll ta’ Tripli. Il-kelliema għal Sarraj, intant, qed jinsistu dwar l-importanza ‘li jkomplu t-titjiriet minn dan l-ajruport’.
Filwaqt li l-Gvern fi Tripli ħeġġeġ biex in-NU ‘terfa’ ir-responsabbiltà rigward il-ħarsien tat-titjiriet ċivili’, it-tħassib qed ikompli wara li kelliema għal Haftar qalu li ‘kwalunkwe ajruplani militari jew ċivili, irrispettivament mill-affiljazzjoni tagħhom, għandhom jinqerdu f’każ li jgħaddu minn fuq Tripli.’ Il-kelliema komplew li suldati Torok stazzjonati fil-Libja biex jappoġġjaw lil Sarraj ‘kienu qed jużaw Mitiga bħala bażi’.
Il-Gvern Libjan għall-Għaqda Nazzjonali wieġeb li l-attakki mill-milizji ta’ Haftar iridu jitqiesu bħala abbuż sfaċċat għas-sigurtà tat-traffiku tal-ajru minbarra li ‘abbuż ġdid’ tal-ftehim għall-waqfien mill-ġlied (fil-Libja) li ntlaħaq aktar kmieni fix-xahar.
L-ajruport ta’ Mitiga hu eks bażi tal-ajru militari li ilu jintuża mill-ajruplani ċivili mindu l-ajruport internazzjonali ta’ Tripli kien ġarrab il-ħsarat waqt il-battalji li seħħew fl-2014.
//= $special ?>