Il-Ministru tal-Housing Roderick Galdes ikkonferma li ftit li xejn jinteressah minn dawk li ilhom u għadhom ifittxu saqaf fuq rashom.
Dan hekk kif, jumejn wara li fuq l-istazzjon tar-radju Laburista qal li ma jarax li hemm problema fil-Housing, mistoqsi mill-ġdid, hu ħass li kellu jispjega kliemu.
Il-Ministru qal li hu sodisfatt li 80% tal-applikanti għandhom saqaf fuq rashom u għalhekk, ma jarax li hemm “problema kbira u qawwija”. Fi kliemu stess, il-Ministru tal-Housing qed jifraħ li 80% huma sidien ta’ djarhom, għalkemm baqa’ ma ta l-ebda soluzzjoni fattibbli għall-20% li għadhom qed ifittxu.
Hu fatt magħruf li fis-seba’ snin kemm ilu fil-Gvern il-Partit Labruista, għadu ma ġiex inawgurat imqar appartament wieħed ta’ Housing Soċjali.
Roderick Galdes ipprova jiġġustifika dan il-fatt billi qal li ilhom għexieren ta’ snin ma jinbnew postijiet soċjali … skont hu, saħansitra mill-2001. Iżda meta sfidat li dan mhux minnu, għax il-Gvern ta’ Lawrence Gonzi fetaħ għadd ta’ binjiet soċjali, il-Ministru tħawwad fi kliemu.
Sadanittant, mistoqsi mill-ġurnalist tax-Xandir tal-Istat, il-Ministru Roderick Galdes ħarab milli jikkommetti lilu nnifsu u lill-Gvern kemm-il post ġdid tal-Housing Soċjali se jkun inbena u mgħoddi lil min hu fil-bżonn sal-aħħar ta’ din is-sena.
//= $special ?>