It-tabib Malti, Gauden Galea, qed ikun protagonista fl-isforzi tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa sabiex issir taf aktar dwar dan il-virus qattiel bil-għan li timplimenta kontromiżuri immedjati u effettivi.
Gauden Galea, tabib tas-saħħa pubblika, beda jaħdem mad-WHO fl-1998 u kien ir-rappreżentant tagħhom għaċ-Ċina sa minn April 2018. Ftit qabel lockdown f’diversi bliet fiċ-Ċina, il-WHO bagħtet tim immexxi mit-tabib Galea biex tivverifika u tispezzjona l-kundizzjonijiet f’Wuhan, il-kapitali tal-provinċja ta’ Hubei, li hija l-epiċentru ta’ dan il-virus fatali.

Meta kien qed jindirizza lill-media minn madwar id-dinja, it-tabib Malti stqar li din hija xi ħaġa ġdida għat-team tiegħu minħabba l-kobor tal-belt li fiha feġġ il-virus u għalekk stqarr li ma jistax iwiegħed li l-miżuri li se jittieħdu ser jaħdmu. Galea qali li “għadu kmieni wisq biex tasal għal konklużjoni sħiħa.”

“Qegħdin nisimgħu kuljum b’żidiet kbar fin-numri tal-persuni affetwati. Parti miż-żieda ġejja mill-ipproċessar ta’ persuni milquta aktar kmieni. Parti oħra hija twessigħ tad-definizzjoni tal-każ. Allura n-numri se jiżdiedu. Anki jekk huma fl-eluf, dan ma nistagħġebx.” kompla jgħid it-tabib.
Pero hu saħaq li dan mhux indikatur tas-serjetà jew li bih irid jallarma lin-nies u filfatt saħaq fuq l-importanza li jiġu identifikati kemm jista’ jkun każijiet.
It-tim ta’ ħames membri mmexxi mit-tabib Galea żar laboratorju lokali tal-bijosikurezza, fergħa taċ-Ċentru taċ-Ċina għall-Kontroll tal-Mard fejn hemmek hu tkellem ma’ ħaddiema tal-kura tas-saħħa, spetturi tal-epidemjoloġija u uffiċjali tal-belt li ddeskrivew u wrew kif l-awtoritajiet qed isegwu, jittrattaw u jikkumbattu l-marda.
Minn nofs Diċembru, iċ-Ċina ġiet milquta minn virus simili għal dak imsejjaħ Sars li feġġ fi snin li għaddew. il-Coronavirus s’issa rriżulta f’għexieren ta’ miljuni taħt lockdown, aktar minn 800 persuna infettati u 25 fatalitajiet. Fost dawn kollha ġiet ikkonfermata wkoll l-ewwel fatalità barra l-provinċja Hubei.

Il-WHO s’issa ddeċidiet kontra li tiddikjara emerġenza globali.
Il-virus, jista’ jikkawża deni, sogħla u diffikultajiet tan-nifs fost oħrajn.
