Edukazzjoni Lokali

Verżjonijiet differenti bejn il-Ministru u l-eks Sindku Laburista

Botta u risposta bejn il-Ministru tal-Edukazzjoni Owen Bonnici u l-eks Sindku Laburista tal-Fgura Anthony Degiovanni wara li dan tal-aħħar inqabad ibagħbas il-paġna ta’ Pieter Omtzigt fuq Wikipedia.

Omtzigt hu r-Rapporteur tal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia u s-Saltna tad-Dritt f’Malta. Hu kien kritiku għall-mod kif il-Gvern Malti tratta dawn is-sitwazzjonijiet delikati f’pajjiżna, fosthom l-iskema tal-bejgħ tal-Passaporti.

Kien dan il-fatt li wassal lil dan is-suldat tal-azzar tal-Partit Laburista biex baghbas kliem fil-paġna tal-Membru Parlamentari Olandiż b’tali mod li saħansitra ntużaw kontrih anke minn politiċi Laburisti biex jippruvaw jiskreditawh.

Degiovanni nqabad wara li eżerċizzju tekniku wassal biex kien identifikat IP address tal-Gvern – eżattament mill-Ministeru tal-Edukazzjoni.

U filwaqt li l-Ministru tal-Edukazzjoni kkonferma t-tkeċċija ta’ Anthony Degiovanni, tant li anke qal li l-eks impjegat ikkonferma l-verżjoni tal-fatti, l-eks Sindku Laburista qal lil ġurnal lokali li fil-verità, hu ma tkeċċiex, iżda rriżenja minn rajh u mingħajr l-ebda rabta mat-tbagħbis lill-paġna ta’ Pieter Omtzigt fuq Wikipedia.

Iżda Owen Bonnici pprova jżomm relazzjoni tajba ma’ Degiovanni, tant li qalilna li m’għandniex neħlu fuq il-frażi ta’ tkeċċija jew riżenja. U minkejja l-kritika għal dak li qal pubblikament, l-eks Sindku Laburista baqa’ jinsisti li jemmen f’dak li kiteb kontra l-MP Olandiż.