In-negozju jerġa’ jieħu l-ħajja f’pajjiżna kemm-il darba l-Gvern Laburista ma jibqax jaħkem l-istituzzjonjiet li għandhom jiddefendu u jippromwovu d-demokrazija f’pajjiżna u dan il-poplu jrid jara l-ġustizzja ssir u tidher li qed issir.
Hekk stqarr il-Partit Nazzjonalista, permezz ta’ stqarrija maħruġa mill-
Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar is-Self Employed, in-Negozji ż-Żgħar, l-Koperattivi, l-Biedja u s-Sajd, Edwin Vassallo.
L-istqarrija qalet li l-Prim Ministru Robert Abela jagħmel tajjeb jidher iżur in-negozji u entitajiet li jirrappreżentaw setturi differenti tal-kummerċ, iżda b’ritratti jew walkabouts bħal tal-kampanja elettorali biss mhux se jitfejqu l-problemi. L-intriċċi makabri u skandalużi ta’ persuni jaħdmu fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru f’Kastilja bl-għajnuna ta’ Ministri li saħansitra kixfu l-allegat involviment ukoll fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia waqfu lil dan il-pajjiż milli jkompli jaħdem.
L-istqarrija tkompli li llum minkejja bidla fl-isem tal-Prim Ministru, pajjiżna għadu taħt l-istess Gvern Laburista li wassal lill-pajjiżna biex jista’ jibda jgħix riċessjoni ekonomika ‘made in’ Malta. Jekk il-Gvern mhux se jieħu passi immedjatament biex jara l-istandards tad-demokrazija jitjiebu, jara li l-ġustizzja f’kull każ ta’ korruzzjoni u l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia jkunu solvuti bla telf ta’ żmien, il-poplu tagħna se jibqa’ jgħix fl-inċertezza politika.
Is-settur tal-kostruzzjoni għaddej bix-xogħol li kien mibdi iżda ħadd ma għandu kuraġġ jibda proġetti ġodda. Is-settur tar-retail qed jipprova jqanqal is-suq biex ikollu lanqas telf possibbli. Ma’ dawn, kull settur ieħor tas-self employed u sidien ta’ negozji żgħar, minkejja li qed jagħmlu ħilithom jikkompetu mal-inċertezza politika mnissla mill-Gvern qed jgħixu kontinwament f’pajjiż li tilef kull kuraġġ li jagħmel investimenti ġodda. L-appell tal-Partit Nazzjonalista lill-Gvern f’isem is-self employed u sidien ta’ negozji żgħar huwa li ma jkomplix jaħdem fuq it-tattika tal-aljenazzjoni u tal-PR u jgħid li qed isolvi l-problemi b’diskors filwaqt li kollox qed jibqa’ l-stess, kompla jgħid il-Partit Nazzjonalista.
Pajjiżna ma jistax jgħix f’riċessjoni ekonomika ‘made in’ Malta. Il-Partit Nazzjonalista qed jagħmel ħiltu jżomm l-aktar komunikazzjoni possibbli mas-sidien ta’ negozji żgħar u self employed biex ikun jista’ jgħin u jaħdem ħalli f’dan il-pajjiż ikun hawn l-aħjar opportunità possibbli ta’ kummerċ u ħolqien tax-xogħol, temmet tgħid l-istqarrija.