Lokali

“Għaddew sentejn u l-policy tal-pompi tal-petrol baqgħet ma nbidlitx” – il-Moviment Graffitti

Il-Moviment Graffitti esprima diżappuntat li minkejja li eżattament sentejn ilu, jiġifieri fil-25 ta’ Jannar tal-2018, il-Ministru għall-Ambjent ta’ dak iż-żmien, José Herrera, kien talab biex tigi riveduta il-policy dwar il-pompi tal-petrol, dan baqa’ ma sarx.

Għaddew 737 jum minn meta tħabbar li din il-policy ta’ erba’ paġni kollox, kellha tiġi riveduta. Waqt azzjoni diretta fl-Awtorita’ tal-Ippjanar f’Marzu li għadda, il-Moviment beda jgħodd il-jiem fuq it-timer http://www.pompitimer.org, “iżda ma bsarniex li sal-lum konna se nkunu għadna qed nistennew. “

Il-policy oriġinali tal-2015 kienet qajmet kontroversja sħiħa minħabba li setgħet twassal għal abbużi u sfreġji ambjentali. L-istess policy tippermetti l-iżvilupp ta’ pompi tal-petrol ġodda li d-daqs tagħhom jasal sa 3,000m² u li ħafna drabi jkunu jinkludu faċilitajiet oħra bħal servizzi ta’ car wash, garaxx għat-tiswija tal-karozzi, ħwienet, ATM u kafetteriji. “Dan mhuwiex għajr mod faċli kif wieħed jikseb permess biex jibni ċentru kummerċjali fuq art ODZ,” iddikjara l-Moviment Graffitti.

Sadantittant, sakemm l-awtoritajiet baqgħu ikaxkru saqajhom, qed ikomplu jidħlu l-applikazzjonijiet għal pompi tal-petrol massiċċi li la hawn spazju għalihom u wisq anqas hawn bżonnhom, speċjalment meta l-awtoritajiet stess qed jippjanaw li naqilbu għall-karozzi elettriċi. 

L-abbozz tal-policy riveduta diġà għadda minn tliet fażijiet ta’ konsultazzjoni – l-aħħar wieħed għalaq f’Novembru li għadda. Iżda minkejja dan il-process interminabbli, il-policy l-ġdida għadha ma ratx id-dawl tax-xemx. Skont dan l-abbozz, ħafna mill-applikazzjonijiet pendenti ikunu rrifjutati għax mhumiex konformi mar-rekwiżiti l-ġodda. Iżda dan jiddependi minn jekk l-Awtorità tal-Ippjanar hijiex beħsiebha tiddeċiedi dwar l-applikazzjonijiet qabel ma tiġi approvata l-policy il-ġdida. 

Każ riċenti ta’ applikazzjoni għal pompa tal-petrol huwa dak tas-Siġġiewi.

Il-Moviment Graffitti ddikjara li l-hekk imsejħa ‘rilokazzjoni’ ta’ din il-pompa “hija assurda meta tqis li din ħa tkun għaxar darbiet ikbar milli hi (minn 160m² għal 1600m²) fuq art agrikola ODZ biex tinkludi garaxx, uffiċċju, ħanut, car wash u ATM. “

L-art tagħmel parti minn Wied Xkora, li l-Awtorità tal-Ippjanar stess tinnota li jeħtieġ riġenerazzjoni. Ma nistgħux nifhmu kif dan l-iżvilupp massiċċ jista’ b’xi mod iwassal għar-riġenerazzjoni tal-wied. 

Skont l-abbozz tal-policy l-ġdida, din l-applikazzjoni kieku tiġi rrifjutata. Iżda peress li din għadha ma daħlitx fis-seħħ, qed  tiġi proċessata taħt il-policy kurrenti.

“Għalhekk, huwa inevitabbli li nistaqsu x’inhi r-raġuni wara dan id-dewmien kollu u jekk dan hux qed isir biex jitħarsu l-interessi tal-ftit. Dan qed narawh jiġri wkoll fir-riforma tar-Rural Policy li kienet il-kawża ta’ diversi żviluppi kontroversjali fosthom il-famuż każ tal-Qala. Minkejja l-wegħda li ser tiġi riveduta, din ir-riforma qed issir fil-magħluq mid-Dekan tal-Fakultà tal-Liġi u la nafu xi progress sar s’issa, u wisq anqas meta ser tidħol fis-seħħ,” jididkjara l-Moviment.

Il-Moviment Graffitti jisħaq li l-futur tagħna jinsab mhedded minħabba l-imġiba  irresponsabbli ta’ dawk li suppost qed jipproteġu l-ambjent naturali u l-kwalità tal-ħajja tagħna u li minflok, qed ipoġġu l-ewwel l-interessi tal-iżviluppaturi li qed jidfnuna taħt ġungla ta’ konkrit. Għalhekk, nesiġu li l-policy l-ġdida tkun approvata u implimentata minnufih.