Lokali

Għall-inkompetenza tal-Gvern Laburista, inħallsu aħna lkoll

Il-PN se jibqa’ jressaq ‘il quddiem proposti għat-tisħiħ tad-demokrazija

“Irridu li l-partiti jkunu ħielsa mill-obbligazzjonijiet, b’politika nadifa biex neqirdu kull forma ta’ korruzzjoni u meta l-komunità u l-entitajiet internazzjonali jħarsu lejn il-Gvern Laburista u jgħidu li dan mhux gvern normali iżda mifni u mikul bir-korruzzjoni, mill-Oppożizzjoni se nibqgħu nressqu ‘l quddiem proposti għat-tisħiħ tad-demokrazija.”, hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia meta kien qed jindirizza attività politika f’Ta’ Sannat f’Għawdex.

Hu qal li r-rapport annwali ta’ Transparency International ddeskriva kif pajjiżna jinsab mgħerreq fil-korruzzjoni, u ġie rrimarkat kif il-pajjiżi għandhom jinqatgħu mill-finanzjament mill-privat għax jista’ jkun mezz għall-korruzzjoni. Huwa qal li din hija proposta li qed tipproponi l-Oppożizzjoni, b’sistemi li jkunu ħielsa mill-obbligazzjonijiet, nadifa u mingħajr korruzzjoni. Dan biex ikollna demokrazija li taħdem u mhux ma tiffunzjonax kif qalilna dwar pajjiżna The Economist. Barra minn hekk, ninsabu biss 6 xhur ‘il bogħod milli nkunu blacklisted skont ir-rapport tal-Moneyval. Jekk dan iseħħ, iġib miegħu sogru kbir li pajjiżna jitlef investimenti serji minn barra li jgħajjxu l-ekonomija u jmantu lill-ħaddiema.

Adrian Delia qal li iżda meta din il-ġimgħa reġa’ fetaħ il-Parlament u meta kulħadd kien qed jistenna li l-Prim Ministru Robert Abela jiddeskrivi l-viżjoni tiegħu għal pajjiżna, minflok kull ma għamel kien li kkonferma r-riżenja ta’ Justyne Caruana. Huwa qal li l-midja kixfet kif l-eks Deputat Kummissarju Silvio Valletta, li huwa r-raġel ta’ Justyne Caruana u li kien qed imexxi l-investigazzjoni dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, kien vicin ħafna tas-sid ta’ 17 Black Yorgen Fenech u jsiefer miegħu. Huwa qal li l-eks Kap tal-FIAU Manfred Galdes kien għadda rapport lill-Kummissarju tal-Pulizija u ma sar xejn, u dan bħalma r-rapport dwar Egrant kien ikkonkluda li għandhom jittieħdu pass fil-konfront ta’ Karl Cini ta’ Nexia BT u baqa’ ma sarx ukoll. Pajjiżna għandu bżonn riforma sħiħa fil-Korp biex jerġa jikseb il-fiduċja tal-poplu kif jistħoqqlu.

Il-Kap tal-PN qal li l-Oppożizzjoni ressqet proposti biex nerġgħu nsaħħu d-demokrazija u l-istituzzjonijiet fosthom il-Korp tal-Pulizija. Huwa qal li l-Prim Ministru Roberta Abela, bħal ta’ qablu Joseph Muscat, irid li jiddeċiedi hu min jinħatar Kummissarju tal-Pulizija u skarta l-proposta li ressqet l-Oppożizzjoni biex il-Kummissarju jiġi approvat miż-żewġ terzi tal-Parlament, biex ma jkunx hemm iżjed Kummissarju li ma jinvestigax, li jkun pupazz tal-Prim Ministru jew sitt kummissarji f’sitt sitt. Il-proposta tal-PN sabet l-appoġġ ta’ bosta persuni legali fosthom Kevin Aquilina li għamilha ċara li dak li qed jipproponi l-Gvern mhux se jkun aċċettabbli għall-Kummissjoni Venezja u l-Imħallef Emeritus Giovanni Bonello li qal kif dak li jrid il-Prim Ministru mhu se jbiddel. Min naħa l-oħra, rajna kif Robert Abela mhux talli talab investigazzjoni fuq l-inkompetenza tal-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar, iżda premjah billi tah kuntratt ta’ €31,000 għall-konsulenza tiegħu.

Adrian Delia qal li l-Prim Ministru skarta wkoll il-proposta tal-Oppożizzjoni dwar il-finanzjament tal-partiti. Dan meta Robert Abela diġà qal li ma jara xejn ħażin li Deputati tal-Gvern jibqgħu jingħataw dħul addizzjonali mill-Gvern stess minkejja li dan ġie kritikat mill-Kummissarju ghall-Istandards Pubbliċi u minn Istituzzjoijiet internazzjonali. Il-Gvern irid li d-Deputati tiegħu jixtraw, u li kull istituzzjoni f’pajjiżna tkun maħkuma minnu. Kompla li Robert Abela għandu jgħid x’sar mill-kuntratti pubbliċi li d-ditta legali tiegħu għandha, filwaqt li kien jistenna li l-Prim Ministru fl-ewwel ġurnata jirriżenja hu u il-mara minn din id-ditta jew li d-ditta tirrinunzja għax-xogħol li għandha mingħand il-gvern. Huwa ta’ għajb li s’issa l-Prim Ministru għadu ma qal xejn dwar dan.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia għalaq billi semma’ kif minħabba li pajjiżna mhux ser jolqot il-miri fl-użu tal-enerġija nadifa impost mill-Unjoni Ewropea, il-pajjiż se jkollu jħallas €2 miljun ewro lill-Estonja. Dan juri b’mod ċar kif għall-inkompetenza tal-gvern Laburista, iħallas il-poplu Malti u Għawdxi kollu minn butu.