Lokali

Irrid insewwi isem pajjiżna – Simon Busuttil

Isem pajjiżna tkisser u sehmi f’waħda mill-akbar organizzazzjonijiet Ewropej se jkun fost l-oħrajn li nsewwieh. Isem pajjiżna tkisser għax kellna Gvern korrott, li pprova jgħatti l-korruzzjoni billi nqatlet ġurnalista.

Kliem l-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil waqt il-programm Xarabank, fejn kienet diskussa l-karriera politika tiegħu s’issa, issa li ntagħżel bħala s-Segretarju Ġenerali tal-Partit Popolari Ewropew.

Simon Busuttil tenna, li bħalma għamel dejjem, isem Malta se jibqa’ dejjem f’moħħu u f’qalbu.

Hu spjega li l-Partit Popolari Ewropew fih aktar minn 80 partit minn madwar l-Ewropa kollha. Dan bħala parti minn Parlament Ewropew li fl-aħħar snin ħadem ħafna favur pajjiżna, li kien maħkum mill-Gvern ta’ Joseph Muscat.

Meta tkellem dwar il-kwistjoni politika attwali, l-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li ma jistax jifhem kif ċerti nies qrib Kastilja baqgħu qatt ma ġew arrestati, bħal Brian Tonna u Karl Cini ta’ Nexia BT.

Barra minhekk, hu appella lill-Prim Ministru Robert Abela biex min m’għamilx dmiru fl-istituzzjonijiet, taħt it-tmexxija ta’ Muscat, għandu jitwarrab minnufih. Fost l-oħrajn, hu semma’ lill-Avukat Ġenerali u anke l-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna, li jibqa’ politikament responsabbli mill-istituzzjonijiet bħall-FIAU.

Dwar il-Partit Nazzjonalista, Simon Busuttil esprima l-fiduċja tiegħu f’Adrian Delia bħala l-Kap tal-Partit, anke wara l-fiduċja li kiseb fix-xhur li għaddew mill-Kunsill Ġenerali.

Hu wieġeb ukoll għax-xnigħat tal-Partit Laburista meta jingħad li fil-Partit Nazzjonalista hemm xi fazzjoni li titmexxa minn Simon Busuttil. Tenna li din hi biss xniegħa vvintata mill-Partit Laburista biex jippruvaw jiżirgħu l-firda fil-Partit Nazzjonalista.

Simon Busuttil spjega li minħabba li l-kariga ġdida li kiseb fil-Partit Popolari Ewropew tirrikjedi impjieg full-time, hu xieraq li jħalli postu fil-Parlament Malti.

Min-naħa l-oħra, dwar ir-riżenja tiegħu minn Kap tal-Partit wara l-elezzjoni ġenerali tal-2017, spjega li ħass li kellu jieħu dak il-pass għax ried jerfa’ r-responsabbiltà politika kollha għar-riżultat elettorali.

Waqt il-programm kienu diskussi diversi temi oħrajn, fosthom ir-rabta tiegħu ma’ Daphne Caruana Galizia, kif ukoll il-qlajjiet personali li nqalgħu fil-konfront tiegħu waqt li kien għaddej minn proċess ta’ separazzjoni matrimonjali minn mal-eks mara tiegħu.

Dwar dawn, qal li għalkemm il-qlajjiet dejquh ħafna, ipprova jinjorahom għax dak iż-żmien kien diġà wieħed diffiċli għalih bil-proċess legali li kien għaddej minnu.