Ambjent Lokali Unjoni Ewropea Xjenza u Teknoloġija

Konferma li l-Gvern Laburista falla fil-qasam tal-enerġija nadifa u rinovabbli

Il-poplu jixraqlu enerġija nadifa. Aħna nemmnu li l-emerġenza tal-klima għandna nsarrfuha f’impenn mil-lum biex neħilsu lil pajjiżna mit-tniġġis. Il-Gvern Laburista ma laħaqx il-mira bażika ta’ 10% tal-enerġija nadifa u rinovabbli, li Malta kienet impenjat ruħha mal-Unjoni Ewropea li tilħaq sal-2020.

Dan qalu l-Partit Nazzjonalista fi stqarrija ffirmata minn David Agius,
DViċi Kap għall-Affarijiet Parlamentari u Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Enerġija u l-Immaniġġjar tal-Ilma

Listqarrija tgħid li dan kien ikkonfermat mill-Ministru għall-Enerġija Michael Farrugia.  Il-Gvern mar żmerċ u issa se jkollu jagħmel tajjeb il-but tal-poplu. Il-Gvern ħabbar li kien għadu kemm iffirma ftehim mal-Estonja għal trasferiment tal-istatistika biex l-Estonja tagħti parti mill-persentaġġ żejjed tagħha lil Malta ħalli dan jagħmel tajjeb għall-mira li l-Gvern Laburista ma rnexxilux jilħaq.

Fi kliem ieħor, il-Maltin qed iħallsu lill-poplu tal-Estonja għall-inkompetenza tal-Gvern Laburista.

Din hija verament ironija kbira meta tqis li f’Malta għandna ħafna iktar ġranet u sigħat ta’ xemx milli għandhom l-Estonja u għaldaqstant hija skandaluża li Malta ma laħqitx il-miri biex tiġġenera enerġija rinnovabbli filwaqt li l-Estonja ssuperat dawn il-miri.

Il-Partit Nazzjonalista jistqarr li dan il-falliment, fost id-diversi fallimenti kbar li ġarrab is-settur tal-enerġija taħt il-Gvern Laburista, jkompli joħroġ fid-deher l-inkompetenza tal-Gvern li ma kellu l-ebda pjan għal dan is-settur tant importanti għall-għajxien u s-serħan il-moħħ tal-familji Maltin.

L-unika pjan kien il-monument ta’ korruzjoni ankrat fil-bajja ta’ Marsaxlokk. Dan ikompli jżid man-nuqqasijiet kbar u l-iskandli li kixef l-Awditur Ġenerali fir-rapport tiegħu dwar il-kuntratt tal-power station tal-Electrogas, ikompli jżid mas-serq sfaċċat li kixef il-Partit Nazzjonalista fil-mod kif qed jinħadmu l-kontijiet tad-dawl u l-ilma għall-familji u n-negozji u jkompli jżid mal-qtugħ tad-dawl ma’ Malta kollha li kellna fl-aħħar ġimgħat minħabba n-nuqqas ta’ pjan dwar l-interconnector ma’ Sqallija. Barra minn hekk, il-Partit Nazzjonalista hu mħasseb ukoll li l-Gvern Laburista lanqas mhu se jirnexxilu jilħaq il-miri għall-2030 li stabbilixxa hu stess fil-Pjan għall-Enerġija u l-Klima .

Il-Gvern għadda dawn il-miri lill-Kummissjoni Ewropea minn wara dahar il-Parlament u mingħajr konsultazzjoni mal-Oppożizzjoni.