Lokali

L-eks Kummissarju jinħatar konsulent

L-eks kummissarju tal-pulizija Lawrence Cutajar ingħata impjieg mill-Ministeru għall-Intern bħala konsulent dwar is-sigurtà pubblika u l-loġistika b’pakkett ta’ € 31,000 fis-sena.

Din l-aħbar ġiet żvelata mill-gazzetta in-Nazzjon.

Kelliema għall-Ministeru tal-Affarijiet Interni, li issa hu mmexxi minn Byron Camilleri, ikkonfermat li Cutajar ntagħżel bħala konsulent għax għandu 35 sena ta’ esperjenza fl-organizzazzjoni ta’ sigurtà għal avvenimenti nazzjonali u pubbliċi.

Din il-ħatra ġdida għalih tasal biss ftit jiem wara li tħabbar li kien se jirriżenja minn Kummissarju tal-Pulizija wara biss tliet snin fil-kariga.

Dan wara kritika qawwija hekk kif Cutajar huwa meqjus bħala l-persuna li m’għamilx wisq biex jinvestiga rapporti ta’ korruzzjoni li jinvolvu nies li għandhom rabta mal-Gvern Laburista.

Kollox jidher li għal din il-ħatra hemm qbil bejn Kastilja – issa mmexxija minn Robert Abela u l-Ministru Byron Camilleri.

Dawk li tkellmu ma’ in-Nazzjon urew is-sorpriża tagħhom għall-ħatra ta’ konsulenza fil-Ministeru tal-Intern.

Dan mhux biss għaliex Lawrence Cutajar fl-era ta’ Joseph Muscat u Keith Schembri ma għamilx dak li kien mistenni u mixtieq iżda anke għaliex tul l-aħħar snin kien hemm nuqqas ta’ ġustizzja fit-tiftix dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Uħud sa anki qalu li għalkemm issa hemm Robert Abela minflok Joseph Muscat, l-istess nies li tneħħew riċentament għadhom xorta jimirħu l-uffiċini tal-Gvern, b’ħatra bħal din turi li kollox se jibqa’ l-istess għajr biss tibdil fl-irwoli.Ir-riżenja tal-Lawrenece Cutajar minn Kummissarju tal-Pulizija ġabet magħha numru ta’ reazzjonijiet, fost l-oħrajn tal-Oppożizzjoni li tenniet li din din ir-riżenja saret sentejn u nofs tard.