Lokali Saħħa

L-isptarijiet Maltin huma preparati għall-eventwalità li jfeġġ il-Coronavirus

Sa issa, l-ebda restrizzjoni fuq is-safar lejn l-Asja

L-awtoritajiet tas-Saħħa f’Malta jinsabu preparati għal kull eventwalità, hekk kif issa anke f’pajjiżi viċin tagħna feġġew każijiet ta’ Coronavirus; il-virus qattiel li ħoloq kaos sħiħ fiċ-Ċina u r-reġjun Asjatiku kollu.

Fl-aħħar sigħat, kien konfermat li hemm 3 persuni fi Franza li ġew infettati b’dan il-virus. Dan tħabbar uffiċjalment mill-Gvern Franċiż f’komunikat lill-media.

Fi stqarrija, id-Dipartiment tas-Saħħa lokali qal li l-isptarijiet Maltin huma preparati għal kull eventwalità. Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika ħabbar li hemm diversi miżuri li qed jittieħdu, fosthom aktar sorveljanza, komunikazzjoni diretta mal-WHO, u t-twaqqif ta’ tim ta’ azzjoni f’każ li jiġi identifikat xi każ f’pajjiżna.

Sa issa għadhom ma daħlu fis-seħħ l-ebda restrizzjonijiet fuq vjaġġar lejn ir-reġjun Asjatiku.

Il-virus diġa’ ħasad il-ħajja ta’ 26 persuna.