Lokali

Lecturer jgħid li f’pajjiżna għandna l-“ġenn” fl-esperjenza kurrikulari

Pajjiżna għandu l-ġenn fl-esperjenza kurrikulari, fejn moħħna f’tibdil li qed iħalli lill-akkademiċi u lill-istudenti jippruvaw ilaħħqu mal-bidliet li qed jiddaħħlu regolarment fis-sistema.

Kliem il-Professur Carmel Borg, Lecturer fil-Fakultà tal-Edukazzjoni fl-Università waqt il-programm NET Live. Bħala missier, qal li f’dak il-ġenn li qed jiddomina s-sistema edukattiva, l-ebda student ma jista’ jiżviluppa l-ħiliet tiegħu kif mixtieq.

Il-Professur Borg irrefera għar-Rapport Pisa, li jsir fuq 600,000 student minn fost 97 pajjiż. Dan juri li l-performance ġenerali ta’ Malta għadha taħt il-medja għax għandna l-anqas rata ta’ tfal li qegħdin f’livell 6 – fejn wieħed igawdi minn ħiliet sofistikati għall-ekonomija u d-demokrazija.

Dan juri d-diskrepanza bejn l-aspirazzjonijiet tal-poplu, li jrid aktar demokrazija, u s-sistema edukattiva li mhix tirrispondi għat-talba.

Fl-istess waqt, għadu ta’ tħassib ukoll kif fl-istatistika għad hemm min jirnexxi bil-min u mhux b’kemm taf. U fis-sistema, m’aħniex nagħmlu biżżejjed biex innaqqsu din il-gap, tenna l-Professur Borg.

Fuq kollox, dan is-settur qed jingħata Budget miżeru, fost l-oħrajn b’nuqqas ta’ investiment fir-riċerka u fejn il-bidu tal-fejqan hu dijanjosi ċara tas-sitwazzjoni.