Lokali

Luke Dalli jċanfar lil missieru fuq Facebook biex jaqbeż għall-Ministru Silvio Schembri

In-nies qrib il-Prim Ministru Robert Abela qed jagħmlu minn kollox biex jikkontrollaw l-għadab fost uħud mill-partitarji Laburisti, tant li iben saħansitra spiċċa jċanfar lil missieru pubblikament fuq l-internet. U dan kollu għax il-missier inkwistjoni maqdar il-ħidma ta’ wieħed mill-Ministri magħżul minn Abela.

Kollox beda meta Patrick Dalli, ir-raġel ta’ Helena Dalli, magħżula minn Joseph Muscat biex tkun Kummissarju Ewropew, maqdar lill-Ministru Silvio Schembri meta qallu li b'”naqra poter” qed jara lin-nies dubbien. Dalli spjega li pprova jagħmel appuntament ma’ Schembri, iżda l-Ministru injorah.

Filwaqt li sejjaħ l-attitudni tal-Ministru Schembri bħala “arroganza at its best”, appellalu biex joqgħod attent għax “in-nies itellgħuk u n-nies iniżżluk” għax, fi kliemu, “l-arroganza tbaxxik”. Ir-raġel tal-Kummissarju Ewropew ħass li kellu jiċċara li ried jiltaqa’ mal-Ministru dwar xi ħaġa li m’għandhiex x’taqsam ma’ xi pjaċir personali.

Iżda dlonk wieġbu ibnu stess, Luke Dalli, meqjus għall-ħidma tiegħu fil-qalba tal-Partit u l-Gvern Laburista sa minn żmien it-tmexxija ta’ Joseph Muscat. Fil-fatt, sa minn dakinhar, hu ilu jingħata kariga wara l-oħra f’Dipartimenti u entitajiet differenti tal-Gvern.

Fil-paniku preżenti li jinsab fih il-Partit Laburista biex ifittex jikkontrolla lil min jipprova jikkritika lill-Gvern jew lill-Ministri tiegħu, jidher li Luke tqabbad biex ifittex jagħlaq ħalq missieru. Fil-fatt, hu daħal iwieġeb fuq il-post ta’ missieru u qallu li “din il-post hi bla sens”.

U f’post separata, Luke Dalli qal li jiddisassoċja ruħu “kompletament” mill-post li tella’ missieru dwar il-Ministru Silvio Schembri. Dan filwaqt li, bħal diversi esponenti oħrajn, tenna l-importanza li kulħadd jingħaqad “katina” minflok ma jintilfu “f’argumenti infantili”.