Lokali

“Robert Abela ma tgħallem xejn” – PN

Il-Prim Ministru Robert Abela

Il-Prim Ministru Robert Abela ma tgħallem xejn. Waqt li jibqa’ jwebbes rasu li jkun hu, bħal Joseph Muscat qablu, li jibqa’ waħdu jaħtar il-Kummissarju tal-Pulizija issa grazzi għall-media tal-Partit Nazzjonalista sar magħruf ukoll illi l-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar nħatar konsulent tal-Prim Ministru bi ħlas ta’ eluf ta’ ewro mill-flus tal-poplu.

Dan qalu l-Partit Nazzjonalista fi stqarrija ffirmata mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar is-Sigurtà Nazzjonali u l-Ġlieda kontra l-Kriminalità, Beppe Fenech Adami.

L-istqarrija tkompli tgħid li dan li se jkun il-konsulent tal-Prim Ministru hija dik l-istess persuna li naqset milli tinvestiga l-kriminali u korrotti li għal snin sħaħ ħadmu minn Kastilja.

Dan il-konsulent huwa l-istess persuna li kisser il-fiduċja tal-poplu fil-Korp tal-Pulizija, tgħid l-istqarrija. Dan il-konsulent huwa r-raġuni prinċipali għaliex f’dan il-pajjiż baqgħet ma saritx ġustizzja.

L-istqarrija ttemm tgħid li Robert Abela jrid jkompli fuq il-ħażin li sar u dan juri li Robert Abela ma tgħallem xejn. Minflok Robert Abela ddeċieda li jibqa’ mdawwar min-nies li ħammġu isem pajjiżna. Pajjiżna jixraqlu ferm aħjar.