Internazzjonali

AĠĠORNATA: 230 immigrant salvat fil-baħar Mediterran; 120 għadhom f’periklu

Mhux eskluż li dawn l-immigranti jiddaħħlu Malta.

Il-bastiment Ocean Viking salva 223  immigrant fi tliet ħidmiet separati ta’ salvataġġ. Iżda, apparti dawn, il-midja Taljana qed tirraporta li għad fadal madwar 120 immigrant li għadhom fil-periklu.

SOS Mediterranee qalet li l-awtoritajiet Taljani, Maltin, Libjani u Ewropej kienu infurmati b’din il-ħidma ta’ salvataġġ. Huma talbu lill-awtoritajiet għal post ta’ kenn għal dawn l-immigranti, iżda kienu l-awtoritajiet Libjani biss li wieġbu għall-għajnuna. Madankollu, il-bastiment irrifjuta din l-offerta peress li ma jqisx lil Tripli bħala post sigur biżżejjed.

Il-ħidma ta’ salvataġġ saret fi tliet ħidmiet separati fejn l-aħħar grupp ta’ 72 individwu ġew salvati f’żona li skont l-għaqda Medecins Sans Frontieres, taqa’ taħt ir-responsabbiltà ta’ Malta. Għalhekk mhux eskluż li dawn l-immigranti jiddaħlu Malta fil-ħin li ġej.

Is-Sibt, Ocean Viking salva grupp ieħor ta’ 59 persuna li kien jikkonsisti minn tliet nisa, 34 raġel u 22 minuri, Huwa kienu qed jivvjaġġaw b’dgħajsa żgħira tal-injam fejn ġew salvati madwar 26 mil nawtiku ‘l bogħod mill-kosta Libjana.

Dan hekk kif il-Ġimgħa, ġew salvati 92 persuna minn fuq dinghy li kien mgħobbi żżejjed għad-daqs tiegħu.

Il-bastiment Ocean Viking fil-preżent qed jistenna sabiex jitħalla jidħol f’port sigur fejn ikunu jistgħu jiżbarkaw l-immigranti. Fost l-immigranti hemm 32 minorenni li qed jivvjaġġaw waħedhom flimkien ma’ 4 nisa li huma tqal. Huma ġejjin mill-Punent tal-Afrika fosthom mill-Kosta tal-Avorju, mill-Cameroon, mill-Mali, mill-Guinea, mis-Senegal, mill-Benin, mill-Gambja u mis-Somalja.

F’kumment Matteo Salvini staqsa jekk dawn l-immigranti hux se jitħallew jiddaħlu fl-Italja f’aktar pressjoni kontra l-immigrazzjoni hekk kif matul il-ġurnata tal-Ħadd saru l-elezzjonijiet reġjonali fl-Italja.