Futbol Sport

Doppjetta ta’ Kaljevic twitti t-triq għall-kwalifikazzjoni ta’ Valletta

(Ritratt: Trevor Sollars)

Rapport: George Cassar

VALLETTA…………. 4

SIRENS………………. 1

Valletta: Y. Cini, E. Pena Beltre, J. Borg, R. Camilleri, S. Borg, T. Caruana, N. Pulis (S. Malano 85’), S. Dimech, M. Alba (K. Tulimieri 71’), M. Piciollo (J. Barrios 83’), B. Kaljevic

Sirens: D. Cassar, E. Herrera (A. Borg 57’), Thiaguinho, S. Don Anjos, R. Romaò, I. Adeshina. R. Grech, E. Okoye, Ricardinho (L. Sciberras 70’), Romarinho, F. Cheveresan

Imwissija: N. Pulis 35’, B. Kaljevic 40’, R. Camilleri 52’, E. Pena Beltre 60’, Y. Cini 89’ (V), S. Dos Anjos 50’, I. Adeshina 63’, R. Grech 69’, A. Borg 74’, E. Okoye 84’ (S)

Skorjaw: B. Kaljevic 7’, M. Piciollo 27’, B. Kaljevic 80’, J. Barrios 93’ (V), S. Dos Anjos 89’ (S)

Referee: Eman Grech

Assistenti Referees: Thomas Debono, James Muscat

Bojan Kaljevic skorja żewġ gowls u pprovda tnejn oħra biex għen lil Valletta jikkwalifikaw għall-kwarti tal-finali tal-FA Trophy minn fuq Sirens. Ir-rebħa ta’ Valletta kienet meritata hekk kif il-Beltin kienu l-iktar perikolużi matul il-logħba u b’hekk evitaw milli jerġgħu jkunu sorpriżi minn Sirens kif kien ġara fil-logħba li lagħbu bejniethom fl-ewwel rawnd tal-kampjonat meta t-tim minn San Pawl il-Baħar kien żammhom f’parità ta’ 0-0.

Valletta kisbu vantaġġ bikri hekk kif fis-seba’ minuta, minn azzjoni ta’ korner, l-attakkant Montenegrin BOJAN KALJEVIC għola tajjeb u tefa’ fix-xibka b’daqqa ta’ ras. Fis-27 minuta Valletta marru f’vantaġġ doppju meta minn kross ta’ Bojan Kaljevic, MATTEO PICIOLLO kien preċiż u skorja b’xutt nofs dawra.

F’nofs it-tieni taqsima Sirens ingħataw free-kick minn ġol-kaxxa wara li Yenz Cini qabad b’idu pass lura ta’ Ryan Camilleri. Iżda Sirens m’approfittawx minn din is-sitwazzjoni hekk kif ix-xutt tal-eks Romeo Romào għadda għoli.

Valletta kabbru l-vantaġġ għaxar minuti mit-tmiem b’xutt minn barra l-kaxxa bix-xellug ta’ BOJAN KALJEVIC li spiċċa fir-rokna leminija ta’ David Cassar. Minuta mit-tmiem Sirens naqqsu d-differenza meta l-gowlkiper Belti Yenz Cini ma żammx il-free-kick ta’ Ryan Grech minħabba li kien imbuttat, u Sergio Dos Anjos ħa l-ballun mitluf u skorja b’xutt fil-baxx.

Fil-ħin miżjud is-sostitut Kevin Tulimieri kien żmarkat f’nofs il-kaxxa iżda kien imċaħħad minn titjira puntwali ta’ David Cassar. Valletta temmew il-logħba b’vantaġġ triplu meta skurjaw fl-aħħar sekondi mid-debuttant JOHNNY BARRIOS li rċieva ballun fit-tul mingħand Bojan Kaljevic u għadda l-ballun minn taħt David Cassar. Dan ir-riżultat ikompli t-triq ta’ Valletta f’din il-kompetizzjoni bit-tama li jaslu sal-finali kif għamlu fl-aħħar żewġ edizzjonijiet.