Sport Sport Ieħor

Face Time Bourbon inaqqax ismu fuq l-Amerique

(Ritratt: Grand Prix d'Amerique)

Rapport: Kenneth Vella minn Parigi

Quddiem folla ta’ aktar minn 40,000 spettatur, fosthom mijiet ta’ Maltin, fil-korsa ta’ Vincennes f’Parigi fi Franza lbieraħ saret it-tiġrija famuża Grand Prix d’Amerique, ikkunsidrata l-aktar tiġrija importanti fil-kalendarju tat-trott mondjali. Din it-tigrija, fuq distanza ta’ 2,700 metru, kellha bidu bil-waqqaf, u b’kollox tmintax–il żiemel bdew serkin ma’ serkin. Kien il-Franċiż Face Time Bourbon li temm rebbieħ meta kien misjuq mill-Iżvediż Bjorn Goop.

Il-Grand Prix d’Amerique tiġbed kull sena lejn Pariġi eluf ta’ dilettanti minn madwar id-dinja u l-ewwel edizzjoni tagħha kienet saret mitt sena ilu. Matul id-distanza l-ewwel pożizzjoni alternat bejn numru ta’ żwiemel sakemm 500 metru mit-tmiem kien it-Taljan Vivid Wise As (Yoann Lebourgeois) li mar fl-ewwel post. Madankollu meta l-ewwel żwiemel daru biex jaffrontaw id-dritta finali dan it-Taljan deher inaqqas mill-pass biex it-tiġrija żviluppat f’taqtigħa bejn numru ta’ żwiemel.

Eventwalment kien Face Time Bourbon ta’ Goop li mar quddiem u li qasam il-linja finali l-ewwel. Dan mill-favorit Davidson Du Pont (Franck Ouvrie) u r-rebbieħa tal-edizzjoni tas-sena l-oħra Bellina Josselyn (Jean Michel Bazire). Chica Des Joudes (Alain Laurent) daħlet fir-raba’ pożizzjoni. Intant ir-rebbieħ kellu medja ta’ 1.11.5” fil-kilomteru, ftit bogħod mir-rekord tat-tiġrija, li hu ta’ 1.11.2” imwaqqaf minn Bold Eagle fl-2017 u milħuq minn Readly Express sentejn ilu.

Viżibbilment emozzjonat għal Bjorn Goop dan kien it-tieni suċċess tiegħu fl-Amerique wara r-rebħa b’Readly Express. Face Time Bourbon għandu ħames snin, jiġi iben l-istaljun popolari Ready Cash u hu proprjetà Taljana tal-Iskuderija Bivans SRL. Ready Cash hu wkoll missier Bold Eagle u Readly Express, rebbieħa passati ta’ din it-tiġrija.