Sport Sport Ieħor

Federer u Djokovic mal-aħħar tmienja tal-Open tal-Awstralja

(Ritratt: EPA)

Is-sitt darbiet rebbieħ tal-Open tal-Awstralja Roger Federer irkupra minn set minn taħt biex elimina lil Marton Fucsovics u għadda mal-aħħar tmienja. L-Iżvizzeru ta’ 38 sena għeleb lill-Ungeriż 4-6, 6-1, 6-2, 6-2 u fir-rawnd li jmiss jilgħab kontra l-Amerikan Tennys Sandgren.

Wara li tilef l-ewwel set, Federer rebaħ mingħajr diffikultà t-tieni u t-tielet set hekk kif kiseb seba’ logħbiet konsekuttivi. Hu kiser is-service ta’ Fucsovics darbtejn fir-raba’ set qabel għalaq il-logħba mat-tielet match point. Federer kien ġej minn konfront kontra John Millman fit-tielet rawnd, konfront li dam aktar minn erba’ sigħat. Iżda l-20 darba rebbieħ ta’ Grand Slam, irnexxielu jsib il-preċiżjoni fl-aħħar żewġ sets.

Fucsovics kien ġej minn prestazzjonijiet pożittivi hekk kif tilef biss set wieħed kontra Denis Shapovalov fl-ewwel rawnd. Hu rebaħ l-ewwel set f’37 minuta iżda tilef logħba meta kellu s-service f’kull set. Il-veteran kien b’saħħtu quddiem in-net hekk kif rebaħ 31 minn 37 punt.

Sandgren li hu l-avversarju ta’ Federer fir-rawnd li jmiss, ġej minn tliet konfronti diffiċli f’Melbourne u r-rebbieħ ta’ dan il-konfront jista’ jiltaqa’ fis-semifinali kontra Novak Djokovic.

Is-Serb, rebbieħ tal-aħħar edizzjoni, din se tkun il-11-il darba li wasal sal-kwarti tal-finali. Hu għeleb lill-Arġentin Diego Schwartzman 6-3, 6-4, 6-4. Djokovic kiser is-service tal-Arġentin fit-tmien logħba tal-ewwel set. Schwartzman issielet fit-tieni set wara li tilef l-ewwel tliet logħbiet, iżda ma setax iżomm lis-Serb.

Djokovic reġa’ kiser is-service fil-ħames logħba tat-tielet set. In-numru tnejn tad-dinja jilgħab fir-rawnd li jmiss kontra Milos Raonic, tennist li ġej minn rebħa ta’ 6-4, 6-3, 7-5 kontra l-finalist tal-2018 Milos Raonic.

Tennys Sandgren kellu jegħleb l-isfida iebsa ta’ Fabio Fognini 7-6, 7-5, 6-7, 6-4. F’din il-logħba, Fognini ngħata penalità ta’ punt minħabba kondotta mhux sportiva, hekk kif neħħa l-flokk bejn il-logħob, xi ħaġa li hi permessa biss meta t-tennisti jibdlu n-naħat tagħhom. Imbagħad it-tennist ta’ 32 sena rrifjuta li jilgħab sakemm jirċievi l-attenzjoni medika, xi ħaġa li ħalliet lil Sandgren irrabjat. Inċidentalment, Sandgren kellu jieħu time-out mediku fl-irkoppa.