Lokali

Il-11-il edizzjoni tal-President’s Solidarity Fun Run

Għall-ħabta tal-għaxra ngħata bidu għall-President’s Solidarity Fun Run. Attività li issa daħlet fil-kalendarju annwali. L-għan prinċipali ta’ din l-attività huwa li jinġabru fondi għal dawk l-aktar fil-bżonn.

Għal sena oħra din l-attività kellha tliet punti tat-tluq għal min irid jimxi. Il-grupp immexxi mill-President ta’ Malta telaq minn ħdejn l-Università, il-punt tat-tluq tradizzjonali minn Santa Venera, u grupp ieħor li telaq minn Raħal Ġdid. Dawk li ġrew, telqu mis-Saqqajja fir-Rabat, fejn imbagħad il-parteċipanti jiltaqgħu flimkien ħdejn Bieb il-Bombi.

Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista David Agius mexxa delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fin-nuqqas tal-Kap Adrian Delia li jinsab indispost. Hu kien akkumpanjat fost l-oħrajn mill-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista dwar l-Isport Ryan Callus.

Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista David Agius saħaq li 11-il sena ilu kien il-President Emeritus George Abela li ta bidu għal din l-inizjattiva. Huwa qal li l-mard m’għandux kulur, għalhekk tenna sabiex flimkien inkompli naħdmu biex ngħinu lill-Malta Community Chest Fund sabiex min għandu bżonn, nagħtuh l-għajnuna kollha tagħna.

Min-naħa tiegħu l-President George Vella qal li din hija prova ta ‘ kemm huwa kbir il-poplu Malti… poplu b’qalb kbira. Huwa saħaq li se jkompli jaħdem sabiex jara li jkun hemm l-għaqda bejn il-poplu Malti. Il-Community Chest Fund tagħmel xogħol imprezzabbli f’pajjiżna għalhekk hemm bżonn li ngħinu bid-donoazzjonijiet tagħna. George Abela temm jgħid li din l-attività tal-lum hija prova ċara tal-qab kbira tal-poplu Malti u Għawdxi kollu.

Indirizza wkoll lil dawk preżenti l-Prim Ministru Robert Abela.

Tags