Lokali

“Il-ħidma ta’ dawn in-nies hija imprezzabbli” – David Agius

Illum kompliet għaddejja l-maratona televiżiva organizzata mill-Fondazzjoni U bl-iskop li jinġabru flus għal missjunarji Maltin li jaħdmu f’pajjiżi tal-missjoni bħall-Kenja, iż-Żambja, l-Indja, il-Perù, il-Gambja u l-Filippini.

Il-maratona tal-Fondazzjoni U, qed tiġbor flus ukoll għal persuni li jinsabu bla dar wara t-terremot qawwi li laqat diversi zoni fl-Albanija f’Novembru li għadda. Iz-zoni milquta minn dan it-terremot, deskritt bħala l-aktar wieħed qawwi f’dawn l-aħħar 30 sena f’dan il-pajjiż, jaqgħu kollha taħt id-djoċesi mmexxija mill-Arċisqof Malti Monsinjur Ġorġ Frendo.

Illum żar din il-maratona l-Viċi-Kap tal-Partit Nazzjonalista David Agius. Fl-intervent tiegħu huwa tenna l-importanza li l-popli Malti jkun solidali u jgħin lil dawn it-tfal innoċenti.

David Agius tkellem dwar it-tbatija li jgħaddu minnha dawn it-tfal fejn seta’ jesperjenza din it-tbatija meta hu stess  mar l-Indja u mess il-faqar b’idejh.

Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista faħħar ix-xogħol siewi li qed jagħmlu dawn il-voluntiera b’risq dawk inqas ixxurtjati minna filwaqt li rringrazzja lil Dun Gwann tax-xogħol kollu li jagħmel b’risq il-missjoni.  

F’isem il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia, li ma setax jattendi għax jinsab indispost, David Agius wassal messaġġ lill-poplu Malti sabiex jagħti donazzjoni lil dawn it-tfal fil-bżonn.

Wara l-intervent tiegħu David Agius qatta’ ftit tal-ħin jirċievi t-telfonati tal-pubbliku. Is-Sibt, żaret ukoll il-maratona tal-Fondazzjoni U l-President Emeritu Marie-Louise Coleiro Preca.

Il-Maratona, li ilha għaddejja min-nhar il-Ġimgħa tiġi fi tmiemha l-Ħadd filgħaxija.