Lokali

Il-kollass tal-istituzzjoni tal-Pulizija tieqaf bl-għażla ta’ żewġ terzi tal-Kamra

Kemm-il darba jibqa' jkun il-Prim Ministru li jagħżel hu l-Kummissarju tal-Pulizija, allura mhu se jkun inbidel xejn għajr li jkollna proċess itwal għall-għażla tal-Kummissarju tal-Pulizija

“Gradwalment, f’dawn l-aħħar sitt snin u nofs, rajna l-kollass tal-istituzzjoni tal-Korp tal-Pulizija li qabel kienet tgawdi l-fiduċja tal-poplu Malti u Għawdxi kollu.’’

“Dwar dan il-kollass hawn qbil bejn il-partijiet kollha li lkoll jammettu li hi ħasra li l-Korp tal-Pulizija jinsab daqstant fil-baxx fir-rigward tal-fiduċja li jgawdi.’’

“Il-Prim Ministru Robert Abela stess jammetti li hemm bżonn ta’ direzzjoni ġdida fil-Korp tal-Pulizija biex dan jerġa’ jibda jikseb il-fiduċja u l-istima tan-nies. Dan jista’ jibda jsir billi jkun hemm Kummissarju tal-Pulizija kapaċi u integru li jaspira l-fiduċja u l-istima tan-nies.’’

“Hu għalhekk li l-Kummissarju tal-Pulizija għandu jinħatar biż-żewġ terzi tal-Parlament. Qatt ma stennejt li l-Prim Ministru Robert Abela jvara suġġeriment għall-għażla ta’ Kummissarju tal-Pulizija li, finalment, iħalli lilu li jagħżel hu lil min jokkupa din il-kariga ferm importanti.’’

“Kemm-il darba jibqa’ jkun il-Prim Ministru li jagħżel hu l-Kummissarju tal-Pulizija, allura mhu se jkun inbidel xejn għajr li jkollna proċess itwal għall-għażla tal-Kummissarju tal-Pulizija.”

Din id-dikjarazzjoni importanti u mirquma għamilha Tonio Borg, lettur anzjan fl-Università ta’ Malta, Eks Kummissarju Ewropew u Eks Viċi Prim Minsitru, f’intervista estensiva dwar il-proċess ta’ għażla għall-ħatra ta’ Kummissarju tal-Pulizija.

Hu beda biex qal li l-kariga ta’ Kummissarju tal-Pulizija hi waħda importanti ferm.

“Hi importanti għaliex skont il-liġi, il-prosekutur fil-qrati inferjuri u li llum mhuma inferjuri xejn għaliex ikopru l-kawżi kriminali kollha, hu l-Kummissarju tal-Pulizija.’’

“Mela hi l-pulizija li tiddeċiedi jekk tressaqx lil xi ħadd jew le l-qorti.  Dan ifisser li min jokkupa din il-kariga ta’ Kummissarju tal-Pulizija jrid ikun kompetenti, kredibbli u li jkun igawdi l-akbar ammont ta’ fiduċja possibbli.”

Tonio Borg spjega li, f’dawn l-aħħar snin, rajna li min kien jokkupa din il-kariga la kellu dawn il-kwalitajiet u lanqas ma kien igawdi l-fiduċja. Tant hu veru li minkejja rapporti serji magħmulin mill-FIAU, li hi wara kollox aġenzija governattiva, ma ttieħdu ebda passi.

“Anki meta l-Kummissjoni ta’ Kontra l-Korruzzjoni, f’deċiżjoni rari u unika, qalet li kien hemm provi biżżejjed biex persuna titressaq il-qorti dwar korruzzjoni, il-pulizija xorta waħda ma mexxietx. Dawn huma ftit mill-każijiet kontinwi fejn il-pulizija falliet fl-aħħar snin.

Tonio Borg kompla li, quddiem din il-kriżi li kellna, wasal iż-żmien li jinbidel il-mod kif jintgħażel il-Kummissarju tal-Pulizija. U għall-kritika ta’ xi ftit għaliex issa u mhux qabel, ir-risposta hi li issa kkollassat il-fiduċja tan-nies minħabba l-aġir tal-Kummissarju tal-Pulizjia ta’ kif jitmexxa l-Korp meta jiġi biex imexxi fil-konfornt ta’ persuni li huma fis-setgħa.

“Meta kont ministru jien, is-sondaġġi tal-opinjoni pubblika kollha kienu juru li waħda mill-istituzzjonijiet li kienet tgawdi l-akbar fiduċja tan-nies kienet proprju l-pulizija. Dan f’sondaġġ wieħed wara l-ieħor.’’

“Jien m’għandix dubju li anki llum il-pulizija tgawdi fiduċja meta tiġi għall-amminstrazzjoni ordinarja u għall-prosekuzzjonijiet f’kawżi ordinarji, imma meta tiġi għat-tmexxija ta’ proċeduri fil-konfront ta’ nies li għandhom is-setgħa, din il-fiduċja tan-nies tispiċċa.’’

“Hu proprju għaliex il-Korp tal-Pulizija qed jiffaċċja din il-kriżi, li qabel ma kinitx teżisti, li llum hemm bżonn din il-bidla.”

Mistoqsi dwar il-proċess li ħabbar il-Prim Ministru Robert Abela ftit tal-jiem ilu, Tonio Borg enfasizza li dak li ħabbar il-Gvern mhi bidla xejn għaliex fil-fatt lanqas biss kienet ikkonsultata l-Oppożizzjoni. Dan filwaqt li l-Prim Ministru se jkollu l-aħħar kelma fuq min jinħatar Kummissarju tal-pulizja ġdid.

Mistoqsi dwar il-proposta tal-Partit Nazzjonalista u tal-Kap Nazzjonalista sostnuta mill-grupp parlamentari kollu, li l-Kummissarju tal-Pulizija jinħatar b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tad-deputati kollha parlamentari, proposta li l-Partit Nazzjonalista kien għamel ukoll fil-leġiżlatura li għaddiet, Tonio Borg qal li, fil-fatt, dak li għandu bżonn il-Korp tal-Pulizija bħalissa.

Tonio Borg spjega li fil-pajjiż għandna erba’ karigi li, biex jinħatar min jokkupahom, hemm il-ħtieġa ta’ maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-parlament. Dawn huma l-Awditur Ġenerali u l-kariga ta’ Deputat Awditur Ġenerali, l-Ombudsman u l-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika.

Din ir-regola ta’ żewġ terzi fil-konfront ta’ dawn in-nies kienet introdotta taħt gvernijiet differenti u ċioè fl-1995 (tal-Ombudsman), fl-1997 (tal-Awditur Ġenerali u d-deputat tiegħu) u fl-2019 (tal-Kummissarju tal-Istandards).

L-esperjenza wriet li minkejja li jridu jaqblu l-Gvern u l-Oppożizzjoni biex jinħatru dawn l-erba’ karigi, iż-żewġ partiti dejjem qablu.

Ħadd ma oġġezzjona bla raġuni għal proposta ta’ xi bniedem kompetenti biex jokkupa xi waħda minn dawn il-karigi.

Jekk din ir-regola rnexxiet f’karigi importanti bħal dawn, għaliex m’għandhiex tirnexxi wkoll kieku kellha tkun applikata għall-ħatra ta’ Kummissarju tal-Pulizija?

Tonio Borg żied: “Anzi nżid argument ieħor… filwaqt li fir-rigward tal-karigi li semmejt jekk ma jkunx hemm ftehim ma jistax jinħatar aġent, fil-każ tal-Kummissarju tal-Pulizija dejjem jista’ jinħatar aġent sakemm isir ftehim. Wara kollox, illum mhux Aġent Kummissarju tal-Pulizija għandna?”

Il-proċedura, li ħareġ biha l-Gvern, terġa’ ttawwal bla bżonn il-proċedura biex jinħatar il-Kummissarju tal-Pulizija meta f’dan il-mument il-Korp tal-Pulizija għandu bżonn ta’ tmexxija ċara, b’saħħitha u onestà.

“Jien kont naħseb li l-Gvern fil-qasam tal-Pulizija, tgħallem xi ħaġa mill-esperjenzi ta’ dawn is-sitt snin. Qatt fl-istorja ta’ pajjiżna ma kellna sitwazzjoni fejn kull sena, bejn wieħed u ieħor, kellna Kummissarju tal-Pulizija ġdid.’’

“Dan għaliex jew il-persuni ma kinux kompetenti jew inkella, meta kienu kompetenti bħal ngħidu aħna l-Eks Kummissarju tal-Pulizija Michael Cassar, dawn probabbilment warrbu minħabba l-indħil minn barra.’’

“Għalija hi xi ħaġa tal-mistħija li tneħħa l-Kummissarju tal-Pulizija – ċioè John Rizzo – sempliċiment għaliex kien ilu tnax-il sena fil-kariga. Ma tneħħiex għaliex żbalja jew għaliex naqas mid-doveri tiegħu, imma tneħħa għaliex kien ilu… qisek qed tgħid li tneħħi kowċ tal-football minkejja li t-tim ikun qiegħed jirbaħ sempliċiment għaliex il-kowċ ikun ilu fil-kariga.’’

“B’hekk waqt li neħħejna individwu kompetenti li kien tneħħa għaliex kien ilu fil-kariga, spiċċajna b’Kummissarju tal-Pulizija kull sena.’’

“Jien konvint li dejjem kien hemm, taħt kull amministrazzjoni, persuni kompetenti li setgħu jmexxu b’suċċess il-Korp tal-Pulizija, iżda taħt dan il-Gvern, jew in-nies kompetenti qatgħu qalbhom minħabba l-indħil żejjed, jew inkella tpoġġew nies dgħajfa ħalli l-Korp tal-Pulizija flok jitmexxa mid-Depot, jitmexxa minn Kastilja.’’

“Jien naħseb li proposta tajba oħra apparti dawk li għamel il-Partit, tkun dik li wieħed mill-kumitati parlamentari, jew xi kumitat parlamentari ġdid, kif hemm barra minn Malta, jissorvelja l-forzi tal-ordni kollha… jiġifieri l-Armata, il-Korp tal-Pulizija, is-Servizzi Korrettivi, il-Protezzjoni Ċivili u s-Servizz tas-Sigrutà. Dan mhux biex jindaħlilhom fix-xogħol tagħhom, imma biex jibqgħu dejjem responsabbli għal għemilhom fil-ħidma li jkunu qed iwettqu. F’ċerti każijiet jistgħu jsiru laqgħat bil-magħluq jekk f’xi każ partikulari hekk ikun jeħtieġ fl-interess nazzjonali u fl-interess ta’ dawn il-korpi,” temm Tonio Borg.