Internazzjonali Saħħa

Il-vittmi jitilgħu għal 56 persuna

In-numru tal-vittmi tal-coronavirus s’issa tela’ għal 56 persuna. Il-President taċ-Ċina Xi Jinping iddeskriva t-tixrid ta’ din il-marda bħala sitwazzjoni gravi.

Madwar 2000 persuna huma konfermati li għandhom dan il-virus.

Il-belt ta’ Shanghai rrapportat l-ewwel fatalità mindu faqqgħet din il-marda, filwaqt li f’Hubei kienu rappurtati 323 każi ġodda ta’ infezzjonijiet.

Il-virus jikkawża infezzjoni respiratorja severa, b’sintomi li jinkludu deni, sogħla u problemi fin-nifs. S’issa għad m’hemm l-ebda kura speċifika jew vaċċin u jidher li l-agħar milquta huma l-anzjani jew persuni b’kundizzjonijiet medċi oħra.

Il-Ġimgħa kien konfermat li l-virus wasal fl-Ewropa, bl-ewwel tliet każijiet ikkonfermati fi Franza. Żewġ pazjenti jinsabu rikoverati f’Bordeaux u Pariġi wara li għaddew miċ-Ċina.

L-oriġini ta’ dan il-virus kienet indikata f’suq għall-ikel tal-baħar, fejn jingħad li kienu għaddejjin tranżazzjonijiet illegali tal-annimali slavaġ.