Internazzjonali

Il-vot f’Emilia Romagna hu kruċjali għall-futur tal-Italja

Mijiet ta’ eluf tat-Taljani qed jivvutaw f’elezzjoni reġjonali li r-riżultat tagħha mistenni jkun kruċjali għall-futur tal-koalizzjoni fraġli li qed tmexxi lill-Italja fil-preżent. Dan meta l-estremisti tal-lemin qegħdin jittamaw f’riżultat li jikkaġuna terremot politiku sħiħ li fost oħrajn jippermetti għar-ritorn fil-poter tal-eks Viċi Prim Ministru Matteo Salvini.

Il-vot fir-reġjun sinjur ta’ Emilia Romagna qed ikun segwit anki minn barra l-Italja, meta dan ir-reġjun ilu għal dawn l-aħħar 70 sena bħala fortizza tax-xellug.

Madankollu, minkejja li x-xellug għadu b’saħħtu fir-reġjun, l-avversarji tal-lemin ilhom l-aħħar ġimgħat jistinkaw bil-kbir biex jiġġeneraw l-appoġġ mill-ibliet lokali. Dan meta l-aħħar stħarriġ qabel il-vot wera li l-Partit tal-Lega li jopponi l-immigrazzjoni kien jinsab ras-imb-ras mal-Partit Demokratiku tax-xellug li qed imexxi lill-Italja flimkien mal-Moviment Cinque Stelle.

Il-kandidat tal-Lega f’Emilia Romagna hi Lucia Borgonzoni, iżda din, fl-aħħar jiem, spiċċat litteralment imwarrba fil-ġenb minn Salvini li kompla jmexxi d-diskorsi fiz-zoni prinċipali tar-reġjun fost iż-żjarat tiegħu fi bliet bħal Parma bil-għan li jkattar l-appoġġ popolari.

Il-kandidat tal-Partit Demokratiku tax-Xellug, Stefano Bonaccini, hu l-President attwali tar-reġjun ta’ Emilia Romagna.

Il-votazzjoni f’Emilia Romagna tagħlaq tard matul il-lejl u meta mat-3.5 miljun ċittadin huma eliġibbli biex jeleġġu lill-President tar-reġjun. Fl-aħħar sigħat kienu qed isiru wkoll elezzjonjiet simili fir-reġjun iżgħar ta’ Calabria, lejn in-nofsinar tal-Italja.