Basketball Internazzjonali Sport

Imut il-leġġenda tal-basketball Amerikan Kobe Bryant f’inċident b’ħelikopter

(Ritratt: EPA)
Miegħu kellu lil bintu ta' 13-il sena

F’aħbar li ħasdet lid-dinja tal-basketball, ilbieraħ miet leġġenda tal-NBA Kobe Bryant fl-età ta’ 41 sena wara ħabta b’ħelikopter. Jidher li Bryant kien waqt vjaġġ privat ma’ disa’ persuni oħra, fosthom bintu ta’ 13-il sena Gianna, meta l-ħelikopter waqa’ f’Calabasas qrib Los Angeles. Ġie rrappurtat li ħadd ma salva minn dawk il-persuni abbord.

Il-mewta tiegħu f’daqqa waħda, wasslet għal diversi messaġġi minn plejers tal-basketball. L-istilla Amerikana lagħab l-20 sena tiegħu ma’ Los Angeles Lakers fejn fosthom rebaħ ħames darbiet il-kampjonat NBA qabel irtira fl-2016.

Hu sar l-ewwel guard fl-istorja tal-NBA li lagħab tal-anqas 20 staġun. Bryant lagħab l-ewwel għaxar staġuni bin-numru 8 u l-aħħar għaxar staġuni bin-numru 24, b’Lakers jirtiraw iż-żewġ numri tiegħu. Hu se jħalli warajh lill-martu Vannessa u erbat itfal.