Lokali

Inċident bejn tliet karozzi fil-Fgura

Żewġ persuni ttieħdu l-Isptar Mater Dei wara li kienu involuti f’inċident tat-traffiku fi Triq Ħaż-Żabbar, il-Fgura.

L-inċident seħħ ilbieraħ filgħaxija għall-ħabta tal-10.30. Fl-impatt kienu involuti tliet karozzi fosthom BMW misjuqa minn raġel Sirjan ta’ 26 sena residenti Ħal Qormi li miegħu kellu wkoll tliet passiġġiera, Toyota misjuqa minn tfajla ta’ 22 sena residenti Raħal Ġdid u Renault misjuqa minn raġel ta’ 43 sena mill-Fgura.

Fuq il-post issejjaħ tim mediku mill-Isptar Mater Dei biex il-persuni involuti jingħataw l-ewwel għajnuna fejn tnejn minnhom kellhom jittieħdu l-isptar għal iktar kura. Aktar tard ġie ċertifikat li t-tfajla ta’ 22 sena qed issofri minn ġrieħi gravi filwaqt li l-kundizzjoni ta’ wieħed mill-passiġġieri li kien fil-BMW (raġel ta’ 23 sena minn Santa Venera) għadha mhux magħrufa.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan l-inċident għadhom għadhom għaddejjin.

Ikkummenta