Tul il-ġurnata tal-Ħadd, kienet miftuħa għal-pubbika l-kappella li għandha ‘l fuq minn 500 sena, il-kappella Santa Marija f’Bir Miftuħ, il-Gudja.
Il-kappella li tmur lura għas-seklu 15, għandha affreski partikolari li jirriflettu l-istil medjevali taż-żmien li kienet tintuża l-kappella. Fost l-affreski hemm waħda li tagħti interpretazzjoni partikolari tal-Aħħar Ġudizzju.
Matul il-ġurnata, l-Għaqda San Mikele għamlu intepretazzjoni tagħhom ta’ żmien il-Medjuevu permezz ta’ elementi folkloristiċi bħal ilbies u ikel storiku, u saħansitra anke logħob tal-karti li kien jintlagħab f’dan iż-żmien.
NET News tkellem ma’ Gabriel Farrugia, membru tal-Għaqda San Mikele, li spjega l-kuntest storiku tal-interpretazzjoni tagħhom u r-rabta tagħha mal-kappella Santa Marija.
Oriġinarjament, il-kappella kienet aktar imdaqqsa sabiex taġevola lin-nies taż-żewġ lokalitajiet ta’ Ħal Luqa u l-Gudja. Lejn tmiem is-seklu 16, il-kappella ċċeknet minħabba li ma bdietx tinżamm b’mod tajjeb, filwaqt li fis-seklu 17 ma baqgħetx tintuża wara li nbniet il-knisja parrokkjali tal-Gudja u l-lokalità ta’ Ħal Luqa kellha l-knisja tagħha.
Tul il-ġurnata kienu bosta dawk illi żaru l-kappella li tixref ħafna dawl fuq l-istorja Maltija fi żmien il-Medjuevu.
//= $special ?>