Internazzjonali

Iraq: Konfronti vjolenti f’Bagdad u bliet oħrajn

Il-qawwiet tas-sigurtà tal-Iraq sparaw il-gass tad-dmugħ fuq id-dimostranti f’Bagdad u bliet oħrajn, wara li żbruffaw mill-ġdid il-konfronti mal-folol li qegħdin jipprotestaw kontra l-Gvern. L-agħar inkwiet seħħ wara li l-qawwiet tas-sigurtà ippruvaw ikeċċu lid-dimostranti minn diversi siti fejn kienu qed isiru protesti tat-tip ‘sit-in’ madwar il-pajjiż.

Id-dimostranti waddbu l-bombi tal-petrol u l-ġebel lejn il-qawwiet skjerati fl-inħawi, b’talaħħar jirreaġġixxu bil-gass tad-dmugħ u sparar fl-ajru bil-għan li jintimidaw lill-folol. Dan meta l-gruppi tad-dimostranti qegħdin jinsistu biex jitwarrab grupp elit fit-tmexxija li jqisuh bħala ‘korrott għall-aħħar’.

Għaddejjin ukoll il-protesti biex jintemm l-indħil tal-barranin fil-politika domestika — bid-dimostranti jsemmgħu leħinhom b’mod partikulari kontra l-Iran, li ilu jiddomina l-Istituzzjonijiet tal-Istat mindu kkrolla r-reġim tal-eksdittatur Iraqi, Saddam Hussein, waqt l-invażjoni tal-Iraq mill-koalizzjoni multinazzjonali taħt tmexxija Amerikana.

Intant, il-Kap reliġjuż populista Iraqi, Moqtada al-Sadr, sejjaħ għal aktar dimostrazzjonijiet, illum, kontra l-Ambaxxata Amerikana f’Bagdad, kif ukoll għal azzjonijiet simili fi bliet oħrajn tal-Iraq. Dan meta, nhar il-Ġimgħa, kien sar marc kbir fejn għexieren ta’ eluf ipprotestaw kontra l-preżenza militari tal-Amerikani fl-Iraq.

L-aħħar sforzi mill-awtoritajiet biex ikeċċu lid-dimostranti miz-zoni li okkupaw waqt li jirristawraw l-ordni saru wara li Sadr, li għandu l-miljuni tas-sostenituri f’Bagdad u n-nofsinar tal-Iraq, kien qal, nhar is-Sibt, li kellu ‘itemm l-involviment tiegħu fl-inkwiet ta’ kontra l-Gvern’.