Sitwazzjoni ftit insolita għas-Serie A lbieraħ hekk kif it-tliet timijiet ta’ fuq kollha naqsu milli jiksbu t-tliet punti. It-tlieta kellhom konfronti diffiċli, b’Inter ikunu miżmuma fi draw ta’ 1-1 kontra r-rivelazzjoni tal-istaġun Cagliari, Lazio spiċċaw draw fid-derby ta’ Ruma u l-leaders Juventus tilfu kontra Napoli. F’logħbiet oħra, Parma u Verona kisbu rebħiet f’darhom biex jinsabu fl-ewwel nofs tal-klassifika u Sampdoria u Sassuolo ħadu punt kull wieħed, draw li jista’ jgħinhom fil-ġlieda kontra r-relegazzjoni.
MILAN – Inter reġgħu waqqgħu l-punti għat-tielet logħba konsekuttiva. Wara Atalanta u Lecce, reġgħu tilfu vantaġġ minimu u sofrew gowl fl-aħħar kwarta tal-logħba. LAUTARO MARTINEZ fetaħ l-iskor fid-29 minuta b’daqqa ta’ ras wara kross tad-debuttant Ashley Young. Fit-tieni taqsima Cagliari tjiebu u ġabu d-draw fit-78 minuta b’xutt fil-baxx tal-eks RADJA NAINGGOLAN jiġi mxellef minn Alessandro Bastoni u ħabat mal-wieqfa qabel għeleb lil Samir Handanovic. Lejn it-tmiem tkeċċa Martinez għal protesti.
NAPLI – Napoli komplew jibnu fuq ir-rebħa kontra Lazio fil-Coppa Italia ftit jiem ilu, b’rebħa kontra ċ-champions Juventus 2-1, f’dak li kien ir-ritorn ta’ Maurizio Sarri fi Stadio San Paolo minn meta ħalla l-klabb. PIOTR ZIELINSKI fetaħ l-iskor fit-63 minuta mir-rebound wara li Wojciech Szczesny ma żammx xutt ta’ Lorenzo Insigne. Napoli rduppjaw fis-86 minuta b’konklużjoni mill-ewwel ta’ LORENZO INSIGNE wara kross mil-lemin. Juventus naqqsu d-distakk fid-90 minuta permezz ta’ CRISTIANO RONALDO iżda ma kellhomx biżżejjed ħin biex jevitaw it-telfa.
PARMA – Parma laħqu lil Milan u Cagliari b’31 punt b’rebħa ta’ 2-0 fi Stadio Tardini kontra Udinese. RICCARDO GAGLIOLO fetaħ l-iskor wara 19-il minuta b’xutt sabiħ mill-kaxxa ż-żgħira, b’DEJAN KULUSEVSKI jirdoppja fl-34 minuta b’xutt fil-baxx.
RUMA – Is-sensiela ta’ rebħiet konsekuttivi fis-Serie A ta’ Lazio waqfet għal 11, bi draw fid-derby mistenni kontra Roma bl-iskor ta’ 1-1. EDIN DZEKO kien poġġa lil Roma fil-vantaġġ wara 26 minuta meta antiċipa l-ħarġa ta’ Thomas Strakosha u skorja b’daqqa ta’ ras. Iżda Lazio ġabu d-draw tmien minuti wara meta d-difensur FRANCESCO ACERBI ħa vantaġġ minn żball ta’ Pau Lopez u skorja minn ċentimetri bogħod.
GENOVA – Sampdoria u Sassuolo kisbu punt fi draw ta’ mingħajr gowls fi Stadio Marassi. Iż-żewġ timijiet kellhom bżonn it-tliet punti biex jitbiegħdu ftit miż-żona tar-relegazzjoni. B’dan il-punt, Sassuolo jinsabu tmien punti u Sampdoria jinsabu ħames punti fuq iż-żona l-ħamra.
VERONA – Pass ieħor ta’ Verona lejn is-salvazzjoni matematika, b’rebħa ta’ 3-0 kontra Lecce fi Stadio Bentegodi. PAWEL DAWIDOWICZ fetaħ l-iskor wara 19-il minuta b’daqqa ta’ ras u MATTEO PESSINA rdoppja fl-34 minuta b’daqqa ta’ ras mill-qrib. Il-veteran GIAMPAOLO PAZZINI skorja t-tielet gowl minn penalty fis-87 minuta.
Serie A
Il-Ġimgħa: Brescia v Milan :0-1
Ilbieraħ: Fiorentina v Genoa 0-0, Spal v Bologna 1-3, Torino v Atalanta 0-7
Illum: Inter v Cagliari 1-1, Napoli v Juventus 2-1, Parma v Udinese 2-0, Roma v Lazio 1-1, Sampdoria v Sassuolo 0-0, Verona v Lecce 3-0
//= $special ?>