Lokali

L-inkwiet f’Għawdex bejn id-Deputati Laburisti jkompli jżid fid-doża

Ritratt mill-arkivji

Il-Prim Ministru Robert Abela reġa’ lura għall-pjan oriġinali tiegħu fir-rigward ta’ Justyne Caruana… ċioè li l-Ministeru għal Għawdex ikun fdat lill-Perit Clint Camilleri.

Justyne Caruana kellha tirreżenja mill-kariga ta’ Ministru għal Għawdex nhar il-Ħadd stess hekk kif kienu żvelat fatti ġodda fir-rigward ta’ żewġha l-Eks Deputat Kummissarju Silvio Valletta li kellu ħbiberija man-negozjant u imprenditur Yorgen Fenech, is-sid tal-kumpanija misterjuża 17 Black u li bħalissa jinsab għaddej proċeduri fil-Qorti b’rabta mad-delitt tas-Sinjura Daphne Caruana Galizia.

Kien żvelat li l-Eks Deputat Kummissarju tal-Pulizija siefer ma’ Yorgen Fenech f’Mejju tal-2018 biex flimkien marru jaraw il-finali taċ-Champions League bejn Real Madrid u Liverpool li kienet intlagħbet f’Kyiv.

Eventwalment kien żvelat ukoll li f’Settembru tal-2018 hu u Yorgen Fenech kienu marru jaraw il-logħba Chelsea vs Liverpool fi Stamford Bridge Statium… allura meta Yorgen Fenech kellu diġà fuqu suspetti mill-Pulizija li seta’ kien b’xi mod jew ieħor involut fid-delitt ta’ Daphne Caruana Galizia.

F’dak iż-żmien Silvio Valletta kien jokkupa l-kariga ta’ Deputat Kummissarju tal-Pulizija u kien direttament responsabbli mid-Dipartiment Investigazzjonijiet Kriminali (DIK) fejn kien qiegħed imexxi direttament hu l-investigazzjoni dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

L-Eks Deputat Kummissarju tal-Pulizija Silvio Valletta – fotografat ukoll  mill-istess Yorgen Fenech jitbellaħ fil-karozza Rolls-Royce tal-istess sid il-kumpanija 17 Black – ma ċaħadx dan kollu iżda qal li hu dejjem ħallas minn butu għal dawn il-kapriċċi.

Eventwalment darba l-Qorti qalet lir-rwol tal-Eks Deputat Kummissarju Silvio Valletta fl-investigazzjonijiet dwar id-delitt ta’ Daphne Caruana Galizia ma kienx jagħmel sens minħabba kunflitt ta’ interess, allura mbagħad żarma mill-kariga li kellu fil-Korp.

F’dawn il-jiem isem Silvio Valletta reġa’ lura għall-kolonni tal-aħbarijjiet hekk kif  kien żvelat dan kollu dwaru… proprju ftit jiem biss wara li martu Justyne Caruana ngħatat l-inkarigu ta’ Ministru għal Għawdex… liema kariga kellha tgawdiha biss għal ftit ġranet hekk kif il-pożizzjoni tagħha wara li kien żvelat dan kollu ma baqgħetx waħda tenibbli.

U mill-ġdid fis-seħħ daħal il-pjan oriġinali tal-Prim Ministru Robert Abela li għadda d-dekasteru tal-Ministeru għal Għawdex f’idejn il-Perit Clint Camilleri.

Anki jekk sbieħ it-Tnejn li għadda, allura meta Justyne Caruana kienet ilha mat-12-il siegħa li rriżenjat mill-kariga tagħha, Anton Refalo, fuq il-media soċjali, kien awgura lil kulħadd il-ġimgħa t-tajba: “Good morning from Gozo! Have a nice day, and a good week!”

Iżda x-xewqat tal-Avukat Refalo malajr ħadu majnata hekk kif mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru tħabbar li l-kariga offruta lilu kienet se tkun dik ta’ Ministru għall-Biedja, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali. Dan għaliex l-intenzjonijiet ta’ Anton Refalo kienu dawk li jkun ritornat lilu l-Ministeru għal Għawdex… perjodu li fih kienu saru ħemel ta’ allegazzjonijiet dwar abbużi f’Għawdex tant li anki Joseph Muscat ma kienx ħafirielu u ma kienx reġa’ appuntah f’din il-kariga wara l-elezzjoni tal-2017.

Mit-Tnejn ‘l hawn, Għawdex issa għandu żewġ Ministri – Clint Camilleri u Anton Refalo… u lil Justyne Caruana back-bencher. Iżda għal Justyne Caruana, li għandha 45 sena, l-ambizzjonijiet ma jiqfux hawn tant li f’messaġġ fuq il-media soċjali kienet diretta ħafna u qalet: “Grazzi minn qalbi lil dawk kollha li qed juru solidarjetà miegħi f’dan il-mument diffiċli.
“Kburija bix-xogħol li wettaqt għax kif qal il-Prim Ministru gawdew minnu ħafna nies u ksibt riżultati għal Għawdex li huma bla preċedent u se jibqgħu jitgawdew għal ħafna snin.

“Għad għandi 45 sena u baqagħli ħafna iktar x’noffri lill-poplu u lill-pajjiż. Se nkompli bil-ħidma tiegħi fil-Parlament biex fl-elezzjoni li jmiss nerġa’ nikkontesta u nżidu l-maġġoranza f’Għawdex.”

It-tweġiba tal-Ministru Anton Refalo kienet immedjata: “Nilqa’ b’sodisfazzjon il-Ministeru afdat lili mill-Prim Ministru Robert Abela. Dan il-messaġġ kien jikkumplimenta l-messaġġ fuq il-media soċjali wkoll tal-Ministru Clint Camilleri li qal li: “B’umiltà nilqa’ r-responsabbiltà u r-rwol li afdali l-Prim Ministru Robert Abela bħala Ministru għal Għawdex.

Bla dubju ta’ xejn issa l-lanżit f’Għawdex bejn id-Deputati Laburisti se jkun qed jikkarga u jżid fid-doża tiegħu, anki fid-dawl tal-fatt li għall-elezzjoni ġenerali li jmiss jista’ jkun hemm qiegħed itellaq magħhom il-Membru Ewro-Parlamentari Laburista Josianne Cutajar li tgawdi popolarità relattiva f’Għawdex.

Fis-sentejn u nofs li Justyne Caruana kienet ilha l-Ministru għal Għawdex wara li kienet ħadet post Anton Refalo, Għawdex mar lura qatigħ kemm f’termini ta’ dehra kif ukoll f’termini ta’ inizjattivi.

Problema kbira f’Għawdex hi x-xogħlijiet tat-toroq fejn ħafna proġetti jew waqfu ħesrem, jew kienu abbandunati jew inkella qed isiru b’ritmu ta’ nemla.

Hemm min isemmi saħansitra x-xogħlijiet fil-Pjazza tal-Ministeru fir-Rabat li ilhom għaddejjin ħafna xhur b’inkonvenjenzi kbar saħansitra għas-settur tan-negozju.

Skandlu kbir hi t-triq li min-Nadur tagħti għall-Imġarr. Wara li l-kuntrattur beda x-xogħlijiet u għamel barriera f’partijiet minn din it-triq, issa x-xogħlijiet ilhom weqfin ħafna xhur ukoll.

Diversi toroq oħrajn jinsabu fi stat ta’ abbandun, fosthom ukoll Triq ta’ Kenuna u Triq Madonna ta’ Fatima fin-Nadur fejn is-sitwazzjoni hi waħda ta’ ħafna ċnagen man-naħa tal-Belveder iżda x-xogħol issa ilu wieqaf diversi xhur ukoll.

Issa s-sitwazzjoni jidher li se tkompli teħżien hekk kif qed tingħalaq Triq Sant’Antnin f’Għajnsielem waqt li x-xogħol fuq it-Triq tal-Imġarr fin-Nadur hu wieqaf għalkollox.

Anki x-xogħlijiet fil-Port tal-Imġarr mexjin b’ritmu ta’ nemla u anki hawnhekk il-komunità tan-negozju qed tilmenta li qed titlef mix-xogħol u n-negozju.

Fl-aħħar ġimgħat u xhur Justyne Caruana kienet ukoll fiċ-ċentru ta’ kritika anki fir-rigward tas-servizzi tas-saħħa li qed jingħataw l-Għawdxin.

Anki fir-rigward tas-servizz tal-Gozo Channel l-Għawdxin, filwaqt li japprezzaw li huma moqdija xi ftit aħjar, qed jilmentaw minn nuqqasijiet tal-vapur antik li qed jinkera b’eluf ta’ ewro kuljum.

Fl-isfond ta’ dan kollu anki l-ħaddiema tal-istess Gozo Channel qed jilmentaw li l-affarijiet fil-kumpanija mhumiex sejrin tajjeb u li faxex minnhom huma mwarrba u saħansitra ma jingħatawx iż-żidiet mistħoqqa lilhom kif ingħataw ħaddiema fi gradi ogħla minnhom.

Sadattant fuq front komuni ħafna hu t-tħassib ta’ ħafna Għawdxin fir-rigwad ta’ kif id-droga qed tkompli tixtered b’rapidità fil-pjazez u fil-postijiet tad-divertiment f’Għawdex.