Edukazzjoni Lokali

L-MCAST għadha mingħajr kapijiet tad-dipartimenti

Fil-Kulleġġ Malti tal-Arti, Xjenza u Teknoloġija, l-MCAST, m’għadu ġie appuntat ebda kap ta’ dipartiment minkejja li l-artiklu 98(ċ) tal-Att dwar l-Edukazzjoni, Kapitlu 327, jirreferi għal kapijiet ta’ dipartimenti fi ħdan kull istitut fl-MCAST. Din l-anomalija baqgħet tippersisti minn mindu ġew appuntati l-Prinċipal u l-President il-ġodda tal-MCAST fl-2018.

Matul dawn il-jiem, aktar għalliema fl-MCAST tkellmu ma’ il-mument, u qalulna li l-MCAST hu magħmul min sitt istituti u kull istitut huwa maqsum f’dipartimenti li jispeċjalizzaw f’qasam ta’ studju.

Wieħed mill-istituti l-kbar, l-Istitut tal-Inġinerija u t-Trasport għandu ħames dipartimenti li huma l-avjazzjoni, l-elettronika, l-inġinerija mekkanika, il-marittimu u l-bini u l-kostruzzjoni. Iżda ebda wieħed minn dawn id-dipartimenti  ma kien appuntat kap tad-dipartiment kif titlob il-liġi. Dan ifisser li d-dipartimenti fl-MCAST m’għandhomx tmexxija professjonali u esperta li tagħti direzzjoni akkademika u kurrikulari speċjalizzata lid-dipartimenti u l-istudenti fi ħdanhom.

Din is-sitwazzjoni tikkuntrasta bil-kbir ma’ dak li ssib f’istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja f’pajjiżna u lil hinn. Fl-Università ta’ Malta, kull dipartiment għandu kap bi kwalifiki ta’ dottorat, sostnuti bi snin ta’ riċerka u pubblikazzjonijiet ta’ kwalità għolja. Dan mhux il każ fl-MCAST.

Nuqqas ta’ saltna tad-dritt fl-MCAST

Fl-artiklu tal-5 ta’ Jannar 2020 dwar l-MCAST, din il-gazzetta kixfet kif it-tmexxija tal-MCAST kisret il-liġi meta il-Prinċipal u l-President tal-MCAST iddeċidew li jissospendu għal iżjed min sena l-bordijiet ta’ studju ta’ kull istitut fl-MCAST, allavolja l-liġi titlob li dawn il-bordijiet jiltaqgħu kull sitt ġimgħat.

L-artiklu 101 tal-Att dwar l-Edukazzjoni tagħmilha ċara li l-president tal-MCAST “ikun responsabbli li jiżgura li l-Kulleġġ ikun jikkonforma ma’ dan l-Att’’. Jidher li għamel il-kuntrarju. Il-Gvern qed jipprova jagħti l-impressjoni li jrid isaħħaħ is-saltna tad-dritt billi jkun ‘iżjed abjad mis-silġ’ fi kliem id-Deputat Prim Ministru.

F’dawn iċ-ċirkustanzi ta’ ksur tal-liġi mit-tmexxija tal-MCAST, il-Gvern se jagħmel xi ħaġa? Il-pożizzjoni tal-President tal-MCAST għadha tenibbli?

F’reazzjoni għal dan il-ksur tal-liġi, il-Prinċipal u il-President tal-MCAST ħarġu l-ewwel  ċirkolari tas-sena 2020 b’mod konġunt, fejn wiegħdu: “At Governance level we will be shortly launching a new Governance framework for greater transparency and accountability.”

Skont is-sorsi ta’ il-mument, jidher li l-Prinċipal u l-President tal-MCAST ħallew barra l-legalità mill-istqarrija tagħhom. Bosta qed jistaqsu, x’tiswa t-trasparenza jekk m’hemmx legalità?

Hemm ukoll l-hekk imsejħa ‘University College’ fl-MCAST li baqgħat topera għal tliet snin mingħajr liċenzja ta’ università mir-regolatur bi ksur tal-liġi, sakemm għalqet wara li nkixef il-frodi fil-pubbliku. It-tmexxija tal-MCAST, minflok ma ħadet passi kontra min iffroda l-istudenti u l-pajjiż b’din ‘l-università’ fażulla, ippremjat lill-Kap ta’ din l-hekk imsejħa ‘università’ bi promozzjoni għal deputat prinċipal. 

Medjokrità vs meritokrazija

Il-Prinċipal u l-President tal-MCAST wiegħdu wkoll fl-ewwel ċirkolari tas-sena 2020: “At the Governance and Management level, we are committed to making MCAST the best learning institution in Malta.”

Iżda huwa magħruf li s-sitt istituti fl-MCAST, b’eċċezzjoni ta’ wieħed, huma mmexxijin minn diretturi li m’għandhomx dottorat u wisq anqas esperjenza fir-riċerka jew pubblikazzjonijiet.

F’pajjiż fejn hawn tant nies li għandhom dottorat, inkluż bosta letturi fl-MCAST stess, huwa suspettuż kif it-tmexxija tal-MCAST kważi dejjem tappunta bħala diretturi tal-istituti persuni li m’għandhomx dottorat u m’għandhomx bażi ta’ riċerka soda. Għalhekk, ħafna qed jistaqsu: fuq liema kriterji qed jintgħażlu dawn id-diretturi tal-istituti?

Il-fatt li d-diretturi tal-istituti m’għandhomx dottorat toħloq dubji fuq il-kwalità tal-korsijiet tal-lawrea. Ma’ dan jintrabat is-sospensjoni tal-bordijiet ta’ studju mill-Prinċipal tal-MCAST li neħħa l-leġittima tal-korsijiet tal-lawrea.

Fin-nuqqas ta’ diretturi bl-aqwa kwalifiki u fin-nuqqas ta’ bordijiet ta’ studju, jidher li d-deċiżjonijiet akkademiċi li jaffettwaw il-korsijiet qed jittieħdu mid-diretturi tal-istituti mingħajr il-kompetenza u pjanijiet meħtieġa. L-artiklu 99(e) ta’ l-Att dwar l-Edukazzjoni jsostni dan dwar l-istituti: “li jħejji pjanjiet għall-iżvilupp tal-Istitut u jippreżentahom għall-approvazzjoni tal-Kunsill u tal-Bord tal-Gvernaturi.”

Is-sorsi ta’ il-mument qalulna li iżda dawn il-business plans għal kull istitut jew qatt ma raw id-dawl tax-xemx jew ma jeżistux għax ma sarux.

Il-letturi tal-MCAST ma jafux kif se jiżviluppa l-istitut tagħhom u f’liema direzzjoni se tmur ir-riċerka, għax id-diretturi tal-istituti flimkien mal-bordijiet ta’ studju (li ġew sospiżi mill-Prinċipal malli kien appuntat) ma ħejjewx pjan għall-iżvilupp tal-istitut tagħhom, bi ksur tal-liġi.

Qed tiżdied l-għadab tal-istudenti tal-MCAST, speċjalment dawk fil-livelli għolja, dwar il-lawrea tagħhom li f’ċerti każi baqgħat mhux rikonoxxuta bis-sħiħ mill-Università ta’ Malta u minn min jimpjegahom.

Ma’ din il-problema hemm marbuta l-kwistjoni tal-warrant. Bosta studenti fl-Istitut tal-Inġinerija u t-Trasport qed jitolbu li jingħatalhom il-warrant mistħoqq wara ħafna snin ta’ studju li twassal għal-lawrea tal-MCAST. Jidher li t-tmexxija tal-MCAST m’għamlet ebda progress f’dan il-qasam.

Ir-rabja tal-istudenti tal-MCAST hija ġustifikata għax sar ftit li xejn mit-tmexxija tal-MCAST biex il-korsijiet tal-lawrea fl-inġinerija jinbidlu u jiġġeddu biex ikunu tal-livell meħtieġ biex il-korpi professjonali ma jkollomx problema jirrikonoxxu il-lawrea fl-inġinerija tal-MCAST. Jidher li l-medjokrità tkompli tirbaħ fuq il-meritokrazija, b’detriment għall-istudenti.

Ċentralizzazzjoni stil Sovjetiku?

Ix-xahar li għadda, il-Prinċipal tal-MCAST żvela f’ġurnal bl-Ingliż li kien qed jaħdem għal iżjed ċentralizzazzjoni fl-MCAST. Din l-istqarrija ħasdet lil bosta għax iċ-ċentralizzazzjoni tmur kontra il-prinċipji tas-sussidjarjeta` li jħaddan dan il-pajjiż bħala membru tal-Unjoni Ewropea. 

Iċ-ċentralizzazzjoni tfakkarna fl-istil Sovjetiku tat-tmexxija li wassal għall-falliment ekonomiku u t-trażżin tal-libertà.

Is-sistema ċentralizzata fl-MCAST wasslet għal nuqqasijiet u nfiq ta’ flus kbar, iżda bi ftit riżultati favur l-istudenti. F’dawn l-aħħar snin bdew jinbnew numru ta’ bini fl-MCAST li jiswew miljuni ta’ ewro, fosthom il-binja l-ġdida tal-Istitut tal-Inġinerija u t-Trasport li nfetħet f’Marzu li għadda, li ġiet tiswa €6 miljun. Iżda dan il-bini għandu nuqqasijiet kbar, fosthom li m’hemmx laboratorju wieħed, minkejja li f’dan l-istess bini jsir tagħlim ta’ mil-lanqas tliet korsijiet li jwasslu għall-Baċellerat fix-Xjenza tal-Bini (BSc).

It-tmexxija ċċentralizzata li jrid idaħħal il-Prinċipal tal-MCAST mhux qed tagħti riżultati lill-istudenti. Il-mistoqsija li qed titqajjem hija jekk il-Gvern il-ġdid tal-Prim Ministru Robert Abela hux se japprova d-dħul taċ-ċentralizzazzjoni u l-ksur tal-Liġi fl-MCAST.

Ministru ġdid

Issa li hemm ministru ġdid għall-qasam tal-dukazzjoni, Owen Bonnici, li jagħmel parti mill-Kumitat fuq il-Governanza li għadu kemm waqqaf il-Prim Ministru Robert Abela, ħafna qed jistaqsu jekk bħala avukat u membru tal-Kumitat dwar il-Governanza, il-Ministru Bonnici hux ser jippermetti l-ksur tal-liġi fl-MCAST.

Tags