Futbol Sport

Liverpool miżmuma minn Shrewsbury … rebħiet kbar għat-timijiet ta’ Manchester

(Ritratt: EPA)

Liverpool se jkollhom jilagħbu replay wara li kienu miżmuma fi draw ta’ 2-2 minn Shrewsbury Town ta’ League 1. It-tim immexxi minn Jurgen Klopp kien wieħed esperimentali b’nuqqas ta’ diversi plejers regolari u żgur li l-Ġermaniż mhux qed jieħu pjaċir li se jkollhom jilagħbu logħba oħra. Curtis Jones fetaħ l-iskor wara kwarta b’xutt fil-baxx, b’awto-gowl ta’ Donald Love fil-bidu tat-tieni taqsima jpoġġi lil Liverpool 2-0 minn fuq. Jason Cummings naqqas id-distakk fil-65 minuta minn penalty, bl-istess plejer iġib id-draw kwarta mit-tmiem.

Manchester United kif mistenni għelbu lit-tim ta’ League 1 Tranmere Rovers 6-0. Id-difensur Harry Maguire fetaħ l-iskor wara 10 minuti b’xutt minn barra l-kaxxa, b’Diogo Dalot jirdoppja tliet minuti wara b’xutt b’saħħtu. Tliet minuti wara, Jesse Lingard għamel l-iskor 3-0 b’xutt għar-rokna u fil-41 minuta Phil Jones għamel l-iskor 4-0 b’daqqa ta’ ras. Anthony Martial skorja l-ħames gowl b’xutt sabiħ qabel tmiem it-taqsima. Mason Greenwood kabbar il-vantaġġ fis-56 minuta minn penalty.

Manchester City ukoll ma kellhomx diffikultà biex għelbu lil Fulham 4-0 f’darhom. Ilkay Gundogan fetaħ l-iskor wara tmien minuti minn penalty wara li fl-azzjoni tkeċċa Tim Ream. Bernardo Silva rdoppja fid-19-il minuta b’xutt minn barra l-kaxxa, b’Gabriel Jesus jiskorja fit-72 u l-75 minuta għal rebħa faċli.

FA Cup

Ir-raba’ rawnd

Illum: Manchester City v Fulham 4-0, Shrewsbury v Liverpool 2-2, Tranmere v Manchester United 0-6

Għada: Bournemouth v Arsenal 9.00pm

Tags