Lokali

Tħabbret il-mewt ta’ Philip Said, eks kunsillier tal-PN għal 17-il sena

Tħabbret il-mewt ta’ Philip Said, eks kunsillier f’isem il-Partit Nazzjonalista fil-lokalita’ ta’ Ħaż-Żebbuġ li serva f’ħames amministrazzjonijiet differenti b’total ta’ 17-il sena ħidma b’risq il-komunità. Filfatt hu serva l-aħħar sa’ Ġunju li għadda.

Philip Said huwa eks għalliem u edukatur mill-aqwa li ddedika parti kbira minn ħajtu biex jgħin u jgħallem bosta tfal u żgħażagħ b’ħafna minnhom ikunu mil-lokalità ta’ Ħaż-Żebbuġ stess.

Fis-sena 2019, Philip ingħata Ġieħ Ħaż-Żebbuġ, mhux biss għax-xogħol siewi li għamel iżda anke għax kien jagħmel dan minghajr ftaħir jew daqq ta’ trombi.

Huwa kien ukoll kburi bil-patrimonju tar-raħal, u anke ħareġ pubblikazzjonijiet fuq l-istorja ta’ Ħaż-Żebbuġ, fosthom il-ktieb Ir-rabta ta’ Bieb De Rohan ma’ Ħaż-Żebbuġ.

Il-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żebbuġ sejjaħlu “raġel li ftit ħafna kien hawn bħalu.”

Il-Kulleġġ Kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista sellem il-memorja ta’ Said u għadda l-kondoljanzi lill-familja tiegħu.

Net News isellem il-memorja ta’ Philip Said u filwaqt li jgħati l-kondoljanzi lill-familja tiegħu, jirringrazjah tal-ħidma tiegħu, b’risq Ħaż-Żebbuġ, il-Partit Nazzjonalista u Malta.